Opinjoni

OPINJONI: Biż-żgħażagħ se jirbaħ?

Mark A. Sammut Sassi

Jiġi ripetut ta’ spiss li biex partit jirbaħ il-gvern irid jikkonvinċi lill-vot żagħżugħ.
Nista’ nimmaġina li dil-mantra kienet tagħmel ħafna sens fis-snin 60 u 70 tas-seklu l-ieħor, meta t-trabi li twieldu wara l-Gwerra, li kienu numerużi ħafna, tfarfru sew u kisbu l-età tal-vot. Numerikament dawn l-annati – ħa nsejħulhom hekk – verament setgħu jiddeterminaw l-andament ta’ elezzjoni. Kienu wkoll żminijiet ta’ inċertezza mhux żgħira, meta ħafna żgħażagħ saħansitra emigraw u marru jittantaw xortihom l-Awstralja jew f’irkejjen oħrajn tal-Imperu Ingliż. Dawk li għażlu li jibqgħu Malta, għexu żminijiet ġodda, li għal uħud ġabu opportunitajiet tad-deheb, għal oħrajn tħassib kbir dwar il-futur.
Fil-bidu tas-snin 70 – fl-1971, għall-preċiżjoni – taħt l-amministrazzjoni ta’ Mintoff, tant kien hawn inċertezza illi kieku l-Kurunell Muammar Gaddafi, id-dittatur tal-Libja, ma tax ammont kbir ta’ flus lil Malta, kieku l-impjegati tal-Gvern ma kinux jitħallsulhom il-pagi tagħhom. Daż-żgur li l-vot taż-żgħażagħ dakinhar kien iħoll u jorbot għall-eżitu tal-elezzjoni ġenerali!

Illum storja oħra!
Illum naħseb li hi storja oħra. Dik il-ġenerazzjoni tant numeruża ta’ wara l-Gwerra kellha ħafna anqas ulied minn ta’ qabilha. Dal-familji iżgħar, b’anzjani jgħixu aktar fit-tul b’riħet l-avvanzi fil-mediċina u fix-xjenza, wasslu għal ħafna mill-problemi li għandna llum, fosthom tal-bini żejjed u tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid.
Però l-punt li rrid nagħmel hu li, fil-fehma tiegħi, b’differenza mill-imgħoddi, illum m’għadhomx iż-żgħażagħ il-muftieħ għar-rebħa elettorali. M’għandniex xi ngħidu, iż-żgħażagħ huma settur importanti mill-elettorat u ħtiġiethom għandhom jinstemgħu u jingħatalhom widen. Imma s-settur li fil-fehma tiegħi jaf jiddetermina l-eżitu ta’ elezzjoni hu settur ieħor, li qajla jissemma.
Qiegħed ngħid għas-settur tal-anzjani u dawk ftit iżgħar minnhom fl-età. Il-problemi ta’ das-settur tal-popolazzjoni huma intimament marbutin mal-bidliet li seħħew ħesrem f’pajjiżna sforz ir-rivoluzzjoni mingħajr mandat elettorali li wettaq b’mod kompletament irresponsabbli Joseph Muscat. Imbilli dak iż-żmien tenna li se jġib terremot fil-politika Maltija, dan ma jfissirx li kien kompletament sinċier mal-elettorat u li r-rebħiet elettorali tiegħu għalhekk kienu in buona fede. Fl-2012/13 ħadd ma basar li Malta se ssir enklavi tax-Xlokk tal-Asja.
Il-bidliet kbar li ġew b’konsegwenza diretta tar-rivoluzzjoni ta’ Muscat kienu l-aktar ta’ natura kulturali, iżda xorta riedu l-ekonomija.
Kulturalment, Malta rat tranżizzjoni kbira minn viżjoni tal-ħajja msejsa fuq it-tagħlim Kattoliku għal waħda msejsa fuq in-niħiliżmu. Il-Kattoliċeżmu, li fil-qalba tiegħu hu komunitarju, jemmen f’li wieħed jgħin lill-ieħor. In-niħiliżmu, li hu l-filosofija tax-Xejn, jemmen li kulħadd għal rasu u ħadd ma jimpurtah minn ħadd. Dil-bidla kulturali kbira narawha kuljum madwarna u hi frott dirett tar-rivoluzzjoni mnedija minn Muscat u mżoqqa minn Abela.

Ċaqliqa oħra
Id f’id ma’ dir-rivoluzzjoni seħħet ċaqliqa oħra: mill-valuri tradizzjonali għal nuqqas kbir ta’ valuri u ta’ koeżjoni soċjali. Il-mewġiet ta’ barranin ġejjin u sejrin minn Malta – skont rapport li deher f’dal-jiem, il-ħaddiema barranin fil-maġġoranza tagħhom ma jdumux aktar minn tliet snin f’Malta – herrew il-blat samm tal-koeżjoni soċjali li kienet tradizzjonalment teżisti f’Malta. Għabet ħafna l-fiduċja li kellna wieħed fl-ieħor, u daħlu modi ġodda ta’ kif isir in-negozju li jxaqilbu aktar lejn l-isfruttament inkella lejn is-sodisfazzjon reċiproku. M’għadux aktar li wieħed jieħu pjaċir jagħmel negozju mal-ieħor, b’sens ta’ rġulija; il-kultura l-ġdida hi kif tisloħ lil għajrek b’aggressività u mingħajr sens ta’ x’inhu tajjeb u x’mhuwiex.
Minn pajjiż kwiet, Malta nfniet b’attività esaġerata, bħallikieku l-Aħħar tad-Dinja ġej għada. Ferneżija sħiħa li qed tħalli lin-nies bla nifs… l-aktar każ eklatanti kien dak tal-ġenituri li nsew lit-tarbija fil-karozza… minjaf kemm iseħħu każijiet oħrajn anqas drammatiċi iżda xorta waħda xhieda ta’ soċjetà li għaddejja bi spîd għoli wisq għall-ġid tagħha stess.

It-tifrik tal-familji
Il-familji, li b’xi mod jew ieħor kienu sodi, illum għaddejjin minn tifrik li donnu sar hu n-norma. Fit-tellieqa għal flus u aktar flus, il-ġenituri m’għandhomx ħin għal uliedhom tfal u l-ulied li kibru m’għandhomx ħin għall-ġenituri xjuħ. Kulħadd ideffes lil uliedu fil-creches u lill-ġenituri fid-djar tal-anzjani. Ir-relazzjonijiet suppost mibnijin fuq l-imħabba sfgħu relazzjonijiet ta’ passaġġ ta’ proprjetà jew ta’ piki ma’ ġenituri oħrajn jew saħansitra mal-ġenitur l-ieħor. Il-Jien ħa post l-Aħna, u fil-verità la Jien u lanqas Aħna ma hemm, imma hemm ix-Xejn. Lin-nisa bellgħulhom ir-ross bil-labra tal-karriera – imma meta jikbru, l-ebda kollega jew karriera ma tista’ tieħu post l-ulied li ssagrifikaw. Lill-irġiel webbluhom jaħdmu aktar ħa jixtru aktar xejxi għal uliedhom. Imbagħad meta dal-ulied jikbru, jikkonfinaw lill-ġenituri tagħhom fid-djar tal-anzjani.
Li saru postijiet fejn il-ħaddiema ma jitkellmux bil-Malti… imma b’għamla ta’ Ingliż imkisser. L-ilsien Malti qiegħed f’korteo funebri sejjer iċ-ċimiterju u fil-benniena tinstema’ tarbija tolfoq u tibki b’sottospeċi ta’ Ingliż.
Il-mod ta’ kif konna ngħixu qed jgħib wara l-għoljiet tar-rivoluzzjoni ta’ Muscat u fil-Lvant qed iżernaq il-multikulturaliżmu… li jwiegħed ħafna kulturi f’salt u jagħti biss konfużjoni li xxejjen ir-regoli tal-imġiba komuni.

Iż-żgħażagħ… u l-anzjani
Iż-żgħażagħ jew imdorrijin b’dan kollu jew b’xi mod jadattaw. Avolja, kif wera studju riċenti, fost iż-żgħażagħ hemm livell għoli ta’ ansjetà u depressjoni – bit-tfajliet jixorbu u jiddrogaw ruħhom u l-ġuvintur jilagħbu l-logħob tal-azzard. Kollha sinjali dawn ta’ dwejjaq kbar.
Għall-anzjani hu diffiċli jadattaw għal dal-bidliet rivoluzzjonarji kbar. L-anzjani qegħdin isofru f’did-dinja l-ġdida li ħoloq il-Labour.
L-anzjani huma l-muftieħ għall-elezzjoni li jmiss.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 6 ta’ Novembru, 2025.