Opinjoni

OPINJONI: Diskors ta’ viżjoni

Jeħtieġ li bħala partit inżommu sodi u determinati u nibqgħu nwasslu l-messaġġ pożittiv u ta’ viżjoni li lissen il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament

Angelo Micallef

Id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fil-Parlament din il-ġimgħa b’risposta għall-Baġit imressaq mill-Ministru Clyde Caruana kien wieħed li serva bħala xhieda mill-aktar ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa tassew partit li qiegħed iħares ’il quddiem b’sens ta’ ottimiżmu u viżjoni.
Kien ikun faċli għall-Kap tal-Oppożizzjoni li jieħu l-attitudni li l-Oppożizzjoni hija mistennija biss li tressaq il-kritika tagħha u għalhekk jagħmel sagħtejn ta’ kritika fuq il-Baġit tal-Gvern Laburista. Kien ikun faċli li jintefa’ jagħmel elenku ta’ fejn dan il-Baġit naqas milli jindirizza u xi sfidi ser jibqgħu ma’ wiċċ il-poplu u l-pajjiż. Kien ikun faċli li sempliċiment jitkellem dwar in-nuqqas ta’ pjan u ħsieb ta’ Gvern Laburista.
Minflok il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa triq oħra; triq ferm itqal u li teħtieġ ferm aktar xogħol. Minflok ġiet magħżula t-triq li jkollna Oppożizzjoni propożittiva; Oppożizzjoni li tgħidilna b’mod ċar x’inhi l-viżjoni politika tagħha u x’inhi tassew id-differenza bejn Gvern Laburista li jinstab maħkum minn sens qawwi ta’ paniku u Gvern Nazzjonalista li għandu pjan ħolistiku għal pajjiżna.

50 proposta għal pajjiżna
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg lissen ħamsin proposta għal pajjiżna. Dawn il-proposti ivarjaw minn uħud li huma point blank u clear cut bħat-tneħħija tat-taxxa min fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-ftuħ ta’ proġett pilota u konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fuq il-4 day week, inċentivi biex kumpaniji privati jagħtu lok li l-ħaddiema tagħhom jagħmlu użu min teleworking, reduced hours u flexible hours, vapuri ġodda, għajnuna sinjifikanti lil dawk li jridu jakkwistaw l-ewwel post tagħhom u tnaqqis fil-burokrazija għan-negozjant. Hemm imbagħad proposti oħra li huma xhieda ta’ partit ambizzjuż li lest ixammar il-kliem sabiex jaħdem fuq ideat long term li bla dubju għad rridu nisimgħu aktar dwarhom bħal pereżempju l-ħolqien ta’ Child Trust Fund fejn il-gvern jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid li jikber minn sena għal sena u jissarraf meta dak il-wild ikun irid jagħmel pass importanti f’ħajtu, riforma fil-qrati tal-ġustizzja sabiex jitnaqqas b’mod drastiku d-dewmien, bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali u bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, bini ta’ skejjel ġodda madwar il-pajjiż kollu, introduzzjoni ta’ sistemi ta’ intelliġenza artiffiċjali biex jiġi koordinat it-traffic flow u bini ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda bħal MedTech, cyber security u cryptography fost ħafna proposti oħrajn.
Kien diskors li bgħatt messaġġ ċar kristall li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal pajjiżna; jemmen fil-potenzjal ta’ pajjiżna u mhuwiex lest li jikkuntenta bil-medjokrita imma jrid l-aqwa u l-aħjar għal pajjiżna. Diskors li wera li l-PN huwa tassew il-gvern alternattiv li pajjiżna għandu bżonn u jixraqlu.

Reazzjoni tal-biki mill-Partit Laburista
Kienet komika jekk mhux tal-biki r-reazzjoni tal-Partit Laburista għal dan id-diskors. Minflok ma’ beda diskussjoni fuq kif dawn il-proposti jistgħu jissarfu ta’ ġid għal poplu, l-Partit Laburista mar għal reazzjoni konfuża ħafna. Min naħa l-Prim Ministru Robert Abela stqarr li d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kien negattiv.
Min-naħa l-oħra l-midja Laburista u bosta attivisti qrib ħafna taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista akkużaw lil Alex Borg li d-diskors tiegħu kien sempliċi fotokopja tad-diskors ta’ Joseph Muscat lura fl-2011.
Forsi jkun għaqli l-Partit Laburista jekk darb’oħra jagħżel iridx jgħid li d-diskors kien negattiv u bla sugu jew iridx jgħid li kien fotokopja tad-diskors li lissen eks mexxej tiegħu stess.
Dawn ir-reazzjonijiet konfużi juru biss li l-Partit Laburista jinstab f’paniku assolut u qiegħed, kif ngħidu bl-Ingliż, clutching at straws biex jipprova jsib xi ħaġa xi jgħid.
Naturalment fil-jiem li ġejjin ser naraw sforz konċentrat mill-Gvern Laburista sabiex jipprovaw idawru r-riħ favurih anke jekk ikollu jdur għan-nofs veritajiet sabiex jagħmel dan. Jeħtieġ għalhekk li bħala partit inżommu sodi u determinati u nibqgħu nwasslu l-messaġġ pożittiv u tant ta’ viżjoni li lissen il-Kap fil-Parlament.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 6 ta’ Novembru, 2025.