Opinjoni

OPINJONI: Żidiet li qatt mhuma biżżejjed

Joe M. Zahra
Presid
ent
tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti, Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

Filwaqt li kull żieda li tingħata hi pożittiva, nifhmu li ebda żieda mhi biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja – aktar u aktar fejn jidħol l-ikel. Irridu nifhmu wkoll li dawn iż-żidiet huma żieda fuq miżuri li daħlu fil-pajjiż snin ilu u li baqa’ jinbena fuqhom għaliex kienu miżuri tajbin.
Hekk iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, daħlet f’pajjiżna wara ftehim taħt l-ewwel Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami. Żvilupp li ppermetta biex il-Gvern jasal għal ftehim bejnu, l-unions u s-sidien bil-għan li ż-żidiet jingħataw skont forma fissa ta’ ftehim. Qabel din ir-riforma, biex tingħata żieda kien jinħoloq ħafna diżgwid sakemm tiġi deċiża s-somma li għandha tingħata. Intant, din is-sistema ħadmet u għadha valida u fejn qed tippermetti għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tiġi deċiża kull sena.
Din is-sena, il-Gvern qed iżid iż-żieda ta’ €4.66 għal €10 fil-ġimgħa biex b’hekk, forsi, in-numru ta’ pensjonanti fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali ma jkomplix jiżdied. Ma rridux ninsew li ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja bdiet tingħata mill-1 ta’ Jannar 2008 wara miżura li l-Eks Prim Ministru u Ministru tal-Finanzu Lawrence Gonzi kien daħħal fil-baġit tal-2008. Qabel din il-miżura, l-anzjani kienu jingħataw żewġ terzi biss taż-żieda tal-COLA.
Miżura oħra li daħħal il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi fil-baġit tal-2012 kienet dik ta’ għotja ġdida ta’ €300 fis-sena lil kull anzjan u anzjana li għalqu 80 sena u baqgħu jgħixu fi djarhom. Din baqgħet tiġi żviluppata sena wara l-oħra u għas-sena d-dieħla se tkun ta’ €425 għal dawk ta’ bejn 75 u 79 sena u ta’ €525 għal dawk f’età ta’ 80 sena u iktar.
Nemmen, iżda, li l-aktar miżura importanti favur l-anzjani li ttieħdet fl-imgħoddi wkoll mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kienet dik tal-2008, fejn ingħata d-dritt lil persuni irtirati biex jibqgħu jaħdmu mingħajr ma jitilfu xejn mill-pensjoni.
Iżda l-anzjani m’għandhomx biss bżonn il-flus. Jeħtieġu wkoll għajnuniet speċjalment jekk jibqgħu jgħixu fi djarhom u meta nafu li minn dawn hawn aktar minn 20,000…. għajnuniet li daħħlu Gvernijiet Nazzjonalisti wara l-1987… għajnuniet li jinkludu l-meals on wheels, it-telecare, l-għajnuna fid-djar, xogħol ta’ manutenzjoni u tant skemi oħra.
In-numru tal-anzjani qiegħed kulma jmur jikber. Għaldaqstant, importanti li jittieħdu l-miżuri kollha biex huma jibqgħu jgħixu l-anzjanità tagħhom fil-paċi u mingħajr inkwiet. Dan jitlob sforz mill-Gvern mhux biss biex il-benefiċċji jkunu adegwati iżda biex l-ebda anzjan ma jitħalla waħdu. Dan għaliex is-solitudni, illum, hi l-akbar għadu tal-anzjani. Għadu li ma tikkumbattiehx bil-flus iżda b’miżuri li jgħinu lill-anzjani jsibu kumpanija – speċjalment bil-lejl li, għal ħafna, jidher li mhu ser jispiċċa qatt.

Nikkumbattu l-miżinformazzjoni

Għal-Laburisti, ix-xemx telgħet fuq Malta fl-2013. F’kollox sar l-aqwa…. L-aqwa baġit fl-istorja…. L-aqwa fl-Ewropa… Anzi mhumiex jgħidulna wkoll li l-aħħar baġit hu l-aktar wieħed sabiħ!
Il-Laburisti spiss jgħidu li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma żiedx il-pensjonijiet għaliex għalihom iż-żieda fil-pensjonijiet hi dik li tingħata aktar mill-COLA. Tajjeb infakkruhom li x-xi ħaġa żejda tawha fl-aħħar snin għaliex irrealizzaw li ż-żieda li qed toħroġ mill-Indiċi tal-Prezzijiet ma tagħmilx ġustizzja ma’ min hu verament fil-bżonn. Infakkru wkoll li l-ewwel żieda li ta l-Gvern Laburista wara l-2013 kienet miżerja ta’ 58ċ fil-ġimgħa. Żieda miżera li qatt ma ngħatajna bħalha. Verament tal-mistħija!
Ħalli niġu għaż-żidiet. Wara ħames snin u nofs ta’ friża fil-pagi u l-pensjonijiet, Gvern Nazzjonalista li ħareġ mill-elezzjoni ġenerali tal-1987 ma qagħadx jistenna l-ewwel baġit tiegħu biex iżid il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kollha. Hekk pereżempju pensjonanti li, minbarra l-pensjoni tas-servizz tagħhom, kienu qed jieħdu pensjoni għal min jirtira taħt is-Sigurtà Soċjali, ħadu f’daqqa ż-żieda li kienu jieħdu fi żmien sentejn!
Imbagħad bdiet tingħata xita ta’ benefiċċji lil kull kategorija ta’ pensjonant. Fl-ewwel baġit, dak tal-1988, żewġ liri fil-ġimgħa (€4.66) lill-ommijiet li jibqgħu d-dar u li jkunu qed irabbu tfal taħt il-11-il sena… Żewġ liri (€4.66) fil-ġimgħa żieda fil-pensjoni tar-romol….Dan minbarra tliet liri fil-ġimgħa (€6.99) lill-ġenituri bi tfal ħandikappati.
Fil-baġit tal-1990, il-pensjoni minima nazzjonali żdiedet minn Lm23.80 għal Lm26.30 fil-ġimgħa. Żieda ta’ Lm2.50 (€5,82). Il-pensjonanti taż-żewġ terzi ngħataw żieda oħra ta’ lira (€2.33) fil-ġimgħa biex jersqu aktar lejn iż-żewġ-terzi.
Jekk niġu għall-pensjonijiet tal-irtirar, il-pensjoni tal-miżżewġin li, fl-1987, kienet ta’ Lm12.10 (€28.19) telgħet għal Lm19.53 (€45.50) fl-1993 u Lm21.78 (€50.75) fl-1994. Li meta ngħoddu l-bonus addizzjonali jfisser li kull persuna miżżewġa ħadet żieda ta’ Lm3.01 (€7.01). Hekk biss, f’seba’ snin, il-pensjoni ta’ miżżewweġ li jirtira żdiedet b’Lm9.68 (€22.56) – inkella bi 80 fil-mija.
Dawn iż-żidiet jidhru ferm akbar meta nqisu li qed nitkellmu fuq perjodu ta’ bejn 31 u 38 sena ilu meta l-valur tal-flus kien ferm u ferm ogħla milli hu llum. Żidiet li kienu ħafna iżjed milli għoliet il-ħajja u li b’hekk il-pensjonant seta’ jinsa l-friża taħt il-Gvernijiet ta’ Mintoff u Karmenu Mifsud Bonniċi – minbarra li seta’ jgħix aħjar.
Dak li qed nirreferi għalih hu parti mill-perjodu ta’ 25 sena li l-Partit Nazzjonalista għamel fil-Gvern. Perjodu fejn il-pensjonijiet żdiedu b’medja ta’ 184 fil-mija fl-istess żmien li l-ħajja għoliet b’86 fil-mija. Ċifri li juru li l-pensjonant seta’ jgħix aħjar għaliex kien qed jibqalu fil-but ħafna aktar milli kien qed ikollu joħroġ għall-ħajja.
Dak għall-passat li l-ebda propaganda Laburista, jippruvaw kemm jippruvaw, ma tista’ tħassar. Xita ta’ benefiċċji u żidiet li kieku kelli nniżżilhom kollha nkun neħtieġ diversi paġni ta’ gazzetta! Biss aħna l-anzjani jinteressana wkoll il-preżent u l-futur. Għalhekk filwaqt li nieħdu pjaċir b’kull żieda li tingħatalna, l-akbar pjaċir tagħna jkun meta naraw eliminata l-lista ta’ aktar minn 30,000 anzjan fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali… Lista li fl-aħħar tnax-il sena żdiedet u mhux naqset.
L-akbar pjaċir tagħna jkun meta naraw li kulmin ikun jeħtieġ li jmur f’dar tal-anzjani jinstablu post… Lil kulmin ikollu bżonn carer isibu mingħajr ma jistenna x-xhur… Li kulmin ikun jixtieq imur f’night shelter jinqeda skont il-ħtiġiet tiegħu… Li l-anzjani jibqgħu jsibu servizzi fil-banek qrib tad-dar tagħhom. U ħafna u ħafna aktar.
Kif għamel fl-imgħoddi, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti lill-anzjani mhux biss iż-żidiet kollha meħtieġa iżda wkoll servizzi biex huma jkunu jistgħu jgħixu l-anzjanità tagħhom bl-aktar mod dinjituż.

■ Biex ifakkru l-45 sena mill-mewt tal-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier, il-President ta-APAN Joseph Zahra u l-Viċi-President Pawlu Caruana, f’isem l-APAN, poġġew kuruna tal-fjuri fuq il-qabar ta’ Missier Malta Indipendenti fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

■ Fl-aħħar programm fuq NET FM ‘Mill-Anzjani għall-Anzjani’ tkellimna dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-indafa pubblika. Fil-programm, li tmexxa minn Joe Mikallef, ħadu sehem Eve Borg Bonello, Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika; Rebekah Borg, Shadow Minister għall-Ambjent; Joseph Zahra President tal-APAN u Remigio Bartolo, Segretarju Ġenerali tal-APAN.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 5 ta’ Novembru, 2025.