Futbol Sport

Samsunspor b’saħħithom wisq għal Ħamrun Spartans

Ritratt ta' Joseph Galea
Ritratt ta' Joseph Galea

Match day 3 tal-UEFA Conference League | Samsunspor 3 Ħamrun Spartans 0

Samsunspor għelbu lil Hamrun Spartans 3-0 f’darhom, biex wara match day 3 tal-fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League, it-Torok għandhom punti massimi u jinsabu f’rasu l-klassifika ta’ din il-kompetizzjoni.

Minn naħa l-oħra, din kienet it-tielet minn tliet partiti li lagħbu f’din il-fażi ċ-champions Maltin, u mingħajr l-iċken dubju din kienet l-itqal partita li kellhom s’issa l-Ħamruniżi f’din il-fażi tal-UEFA Conference League, fejn ftit li xejn setgħu jagħmlu aktar kontra l-qawwa tat-Torok ta’ Samsunspor.

Wara li fl-ewwel żewġ partiti li lagħbu l-plejers taħt it-tmexxija tal-kowċ Giacomo Modica, kontra

Jagiellonia Bialystok tal-Polonja u Lausanne tal-Iżvizzera, il-prestazzjonijiet tat-tim Malti kienu inkoraġġanti, din id-darba Ħamrun Spartans taw prestazzjoni bil-wisq inqas tajba u l-avversarji mis-Süper Lig, kienu kapaċi jimpunu l-logħba tagħhom fuq il-Maltin, u meritatament iddominnaw u rebħu din il-logħba f’Samsun Yeni 19 Mayis Stadyumu.

Madankollu lilhinn mit-telfa ta’ 3-0 li ġarbu Ħamrun Spartans, wieħed ma jridx jinsa t-tajjeb kollu li sar mit-tim Malti fl-ewwel żewġ match days ta’ din il-kompetizzjoni kontra Jagiellonia Bialystok u Lausanne rispettivament, fejn fid-darbtejn iċ-champions Maltin għal dawn l-aħħar tliet staġuni, faċilment setgħu ġabru punt u aktar.

Il-gowls skorjati, l-ewwel wieħed minn Carlo Holse fl-ewwel taqsima, u l-bqija fit-tieni 45 minuta minn Emre Kılınç, u Marius Mouandilmadjii, wittew it-triq biex f’Stadium li hu tqil għal kwanlunkwé avversarju biex tilgħab fiħ, Samsunspor ħadu dak li riedu minn din il-logħba.

B’sistema ta’ 4-4-2, it-Torok irnexxilhom jiskorjaw l-ewwel gowl tagħhom kmieni, meta fit-18-il minuta maru fil-vantaġġ b’konluzzjoni ta’ Carlo Holse. Wara dan il-gowl, l-iskwadra ta’ Kırmızı Şimşekler kibbru fil-personalitá tagħhom, u żiedu l-pressjoni tagħhom u ħolqu diversi ċansijiet oħra ta’ skor, li iżda ma rrnexxilhomx jikkapitalizzaw fuqhom.

Gradwalment, Ħamrun Spartans bdew juru aktar organizazzjoni u għalkemm ħolqu xi ċansijiet fl-attakk, l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favur it-tim li kien qed jilgħab f’daru.

Samsunspor bdew it-tieni taqsima b’saħħithom u bil-kemm laħqu għaddew kwarta logħob mill-bidu tat-tieni 45 minuta, li l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Thomas Reis ma skorjawx it-tieni wieħed tagħhom fil-partita, b’konkluzzjoni mill-isbaħ ta’ Emre Kılınç.

Minn hemm ’il quddiem, Samsunspor  żiedu aktar il-pressjoni tagħhom, u Marius Mouandilmadjii skorja fis-77 minuta l-gowl tat-3-0 li kompla jaċċerta mir-rebħa tat-Torok u t-tliet punti tagħhom minn din il-logħba kontra Ħamrun Spartans.

Wara din it-telfa qarsa, Ħamrun Spartans fadallhom tliet partiti oħra x’jilgħabu fejn potenzjalment għandhom fejn jirbħu l-ewwel punti f’din il-fażi tal-UEFA Conference League.

Il-konfront li jmisshom Ħamrun Spartans se jkun qed jintlagħab f’pajjiżna, fis-27 ta’ dan ix-xahar, kontra Lincoln Red Imps FC ta’ Ġibiltá. Realistikament din hija l-aktar logħba li fuq il-karta għandha tagħti ċans lit-tim Malti biex jaspira għar-rebħ ta’ punt jew tlieta.

Samsunspor: Kocuk, Yavru, Satka, van Drongelen, Tomasson (80 min Borevkovic), Yüksel (87 min Gönül), Makoumbou (70 min Cift), Holse (80 min Aydogdu), Kilinc, Musaba (70 min Yaldir), Mouandilmadji

Hamrun Spartans FC: Bonello, Compri (70 min Xerri), Bjelicic, Polito (84 min Meijer), Camenzuli, Emerson, Coric, Garcia (46 min Ederson), Mbong (84 min Cadenovic), Smajlagic (46 min Thioune), Koffi

Referee – Bulat Sariyev (Kazakistan)