Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq ta’ €13,000 fi flus kontanti minn dar

Raġel ta’ 56 sena minn Marsa intbagħat il-ħabs għal tliet snin wara li l-qorti sabitu ħati li seraq €13,000 fi flus kontanti minn dar f’Lulju tal-2019. Joseph Xuereb instab ħati li wettaq serqa aggravata minn residenza waqt li s-sidien tagħha kienu barra mid-dar.

Meta l-mara reġgħet lura wara nofsinhar, sabet il-bieb ta’ barra miftuħ bil-forza u d-dar f’diżordni. L-għada, binha nduna li envelope bi €13,000 li kien ħalla f’kexxun fil-kamra tiegħu kien sparixxa. L-investigaturi analizzaw filmati tal-CCTV fiż-żona u raw tliet irġiel dieħlin fir-residenza għall-ħabta tat-8 ta’ filgħodu.

Xuereb kien l-uniku wieħed identifikat mill-pulizija. Il-filmati wrewh jitlaq mid-dar tiegħu f’Marsa kmieni dak il-jum liebes t-shirt abjad bi strixxa griża u l-kelma “KNOW” miktuba fuqu. Meta l-pulizija għamlet tfittxija fid-dar ta’ Xuereb, sabet l-istess t-shirt li dehret fil-filmati. Il-qorti qalet li dan, flimkien mal-prossimità tiegħu mas-sit u l-provi viżwali, jikkostitwixxu prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien wieħed mit-tliet persuni li wettqu s-serqa.

Il-qorti ċaħdet l-argument tad-difiża li l-filmati ma kinux konklussivi u li l-flus misruqa ma kellhomx jitqiesu bħala prova minħabba li setgħu kienu suġġetti għal ordni ta’ ffriżar fuq is-sidien tagħhom. Il-maġistrat sostni etli, “anke jekk il-flus kienu miżmuma illegalment, dan ma jagħtix id-dritt lil ħaddieħor biex jisraqhom.”

Filwaqt li Xuereb kien inizjalment akkużat bħala riċediv, il-qorti ma laqgħetx din il-kontestazzjoni għax il-prosekuzzjoni ma ppreżentatx dokumentazzjoni li tikkonferma sentenzi finali preċedenti. Is-sentenza ħadet inkunsiderazzjoni l-istorja kriminali ta’ Xuereb, li tinkludi seba’ konvinzjonijiet preċedenti, erbgħa minnhom għal serq aggravata.

Il-qorti osservat li minkejja ċ-ċansijiet li ngħata permezz ta’ probation u sentenzi sospiżi, baqa’ jjikkommetti reati. Għalhekk, il-qorti kkundannatu għal tliet snin ħabs, b’żmien il-kustodja preventiva jitnaqqas mis-sentenza. Barra minn hekk, ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-esperti maħtura mill-qorti fi żmien sitt xhur, b’twissija li n-nuqqas ta’ ħlas jista’ jwassal għal aktar ħabs.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri, filwaqt li Maġistrat Marse-Ann Farrugia kienet presediet is-seduta.