Il-paramilitari tal-RSF (Rapid Supposrt Group) qablu dwar proposta mill-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied fl-artijiet tas-Sudan fejn, fl-aħħar jiem, kienu qed isiru diversi massakri. L-RSF qed jikseb diversi suċċessi militari fil-gwerra ċivili qalila mal-qawwiet tal-Gvern Sudaniż li, min-naħa tiegħu, ma indikax biċ-ċar jekk kienx dispost li jirrispetta dan il-ftehim.
Sadanittant, l-osservaturi barranin qed jinkwetaw dwar kriżi umanitarja kbira fil-belt ta’ el-Fashar li fl-aħħar jiem waqgħet lill-ġellieda tal-RSF wara sensiela ta’ battalji ħorox.
Il-belt tifforma parti minn Darfur, ir-reġjun fil-Punent tas-Sudan, u diversi sorsi qed jgħidu li l-paramilitari, fl-aħħar jiem, kienu qed joqtlu liċ-ċivili ta’ din il-belt bil-‘gżuż’.
L-assedju tal-RSF fuq el-Fashar kien dam għal sena u nofs u meta l-paramilitari kienu waqqfu t-trasport tal-għajnuna umanitarja lir-residenti tal-belt minkejja l-appelli ripetuti tan-Nazzjonijiet Uniti…Sitwazzjoni li kaġunat epidemija tal-ġuħ qalb ir-residenti li ma setgħux jaħarbu mill-inħawi – bl-ossservaturi tan-NU, issa, jikkonfermaw li kważi r-residenti kollha tal-el-Fashar qed ibatu mill-effetti tal-malnutriżmu f’ċirkutanzi ta’ nuqqas ta’ ikel akuti.
Sadanittant, l-RSF qed jiffaċċja kundanna wara l-oħra – fuq livell internazzjonali – dwar il-massakri rappurtati li twettqu mill-ġellieda tiegħu huma u jokkupaw iz-zoni u d-distretti tal-el-Fashar.
Il-Kapijiet tal-RSF, intant, qed jiċħdu dwar il-massakri, għalkemm, fl-istess ħin, ammettew li qed jinżammu taħt arrest uħud mill-ġellieda li wettqu ‘ir-reati u l-abbużi’ fuq ir-residenti tal-belt.
//= $special ?>

