Lokali Qorti

Bastiment ordnat iħallas €225,000 lill-kumpanija Maltija li topera fil-qasam marittimu

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, f’sentenza li tat ordnat lill-bastiment Epicurean, li jaħdem fil-qasam tal-cruise liners, iħallas lill-kumpanija Melita Power Diesel Ltd is-somma ta’ €225,122.94, wara li ddikjarat li dan huwa debitur tal-kumpanija, bl-ammont finali huwa flimkien mal-imgħaxijiet u l-ispejjeż kollha tal-proċedura, inkluż dawk relatati mal-mandat ta’ arrest tal-bċejjeċ tal-baħar.

Is-sentenza tispjega li Melita Power Diesel Ltd, kumpanija Maltija li topera fil-qasam marittimu u toffri materjali u servizzi għall-bżonnijiet ta’ bastimenti, ippreżentat rikors fl-20 ta’ Settembru 2024 kontra l-bastiment Epicurean, proprjetà ta’ Wanja Soren Oberhof, li għandu bħala aġent lil Vistra Marine & Aviation Limited.

Il-kumpanija sostniet li kienet ipprovdiet diversi materjali u servizzi lill-bastiment, li huma dokumentati f’rendikont u fatturi annessi mar-rikors, u li wara l-provvista ta’ dawn is-servizzi baqa’ dovut il-bilanċ ta’ €114,932.49.

Minkejja talbiet ripetuti għall-ħlas, il-bastiment baqa’ ma għamel xejn, u għalhekk il-kumpanija fetħet il-proċeduri biex teżerċita d-drittijiet tagħha kontra l-bastiment skont l-Artikolu 742B tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

Fil-proċess ġudizzjarju, il-kumpanija attriċi ppreżentat ukoll mandat ta’ arrest tal-bċejjeċ tal-baħar sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-kreditu tagħha. Hija talbet li l-kawża tiġi deċiża bid-dispenza tas-smigħ, billi l-ammont mitlub kien ċert, likwidu u li għalaq, u li ma kienx hemm raġunijiet validi fil-liġi biex il-bastiment ma jħallasx.

L-ewwel notifika lis-sid tal-bastiment fil-Ġermanja ma rnexxietx, u għalhekk il-Qorti ħatret lill-Avukat Ilona Schembri u l-Prokoratur Legali Silvana Vella bħala Kuraturi Deputati sabiex jirrappreżentaw il-bastiment fil-proċeduri. Dawn il-kuraturi, minkejja li ppruvaw jistabbilixxu kuntatt mas-sid tal-bastiment, ma rċevewx ebda risposta.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-Kuraturi Deputati indikaw li ma kellhomx tagħrif fuq il-fatti tal-kawża u għalhekk irriżervaw ruħhom li jagħtu risposta ulterjuri jekk jirnexxielhom jikkomunikaw mal-patroċinat tagħhom.

Sadanittant, Melita Power Diesel Ltd ippreżentat nota addizzjonali bil-kordinati tas-sid u tal-aġent tal-bastiment u, fit-28 ta’ Ottubru 2025, talbet li l-ammont mitlub jiġi korrett għal €225,122.94 minħabba spejjeż addizzjonali li nħolqu tul il-proċedura, inkluż dawk marbuta mal-mandat ta’ arrest u proċeduri amministrattivi relatati.

Il-Qorti nnotat li ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni minn naħa tal-Kuraturi Deputati għal din il-korrezzjoni u li l-provi dokumentali ppreżentati kienu juru b’mod ċar l-eżistenza tad-dejn u n-natura ċerta u likwida tiegħu.

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkonkludiet li t-talba ta’ Melita Power Diesel Ltd kienet ġustifikata u li l-bastiment Epicurean għandu jħallas lill-kumpanija attriċi s-somma ta’ €225,122.94, li tirrappreżenta l-bilanċ tal-prezz ta’ materjali u servizzi fornuti, flimkien mal-imgħax mid-data ta’ kull fattura sad-data tal-pagament effettiv u bl-ispejjeż kollha tal-kawża.

Din is-sentenza tikkonferma l-prinċipju li bastiment jista’ jinżamm responsabbli għall-obbligi tiegħu relatati ma’ servizzi marittimi u provvisti essenzjali, anke meta s-sid tiegħu ma jkunx preżenti jew ma jikkollaborax mal-proċess ġudizzjarju.