Internazzjonali

Donald Trump jhedded il-forza kontra n-Niġerja f’każ li jkompli l-qtil tal-Kristjani

Stati Uniti:

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mhux qed jeskludi  ‘intervent militari’ fin-Niġerja, fost l-akkużi li l-Gvern ta’ dan il-pajjiż Afrikan naqas milli jevita l-attakki kontinwi fuq ir-residenti Kristjani.

Din ir-reazzjoni minn Trump tidher li hi ‘tweġiba’ għall-pressjoni min-naħa tal-evanġelisti Amerikani li huma wkoll sostenituri kbar tal-Partit Repubblikan fil-Gvern. Intant, il-President qed jibgħat il-messaġġi fuq il-media soċjali f’sens li ‘l-Iżlamiċi radikali qed ikunu responsabbli għall-massakri tal-Kristjani (fin-Niġerja).’

Il-messaġġ ċar ta’ Trump lill-Gvern Niġerjan hu li jekk dan il-Gvern ma jwaqqafx il-qtil tal-Kristjani, l-Istati Uniti għandha twaqqaf kull forma ta’ għajnuna u assistenza lin-Niġerja…It-theddida tkompli li ‘l-Amerikani lanqas mhuma se jiddejqu milli jidħlu bil-forza (militari) fl-artijiet tan-Niġerjani’ jekk ikomplu l-massakri.

Fl-aħħar ġimgħat, ħafna deputati f’Washington u l-gruppi tal-konservattivi Kristjani insistew biex Trump jiddikjara lin-Niġerja bħala ‘pajjiż li jqanqal tħassib partikulari’ minħabba allegat persekuzzjoni kontinwa tal-komunitajiet fuq bażi ta’ reliġjon… Iridu wkoll li n-Niġerja tingħata prominenza fuq lista speċifika li tinkludi anki pajjiżi bħar-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Iran u ċ-Ċina.

Il-Gvern ta’ Trump, intant, qed jaddotta politika iebsa kontra l-hekk-imsejħa ‘emarġinalizzazzjoni u persekuzzjoni tal-Kristjani ‘il hinn mill-Istati Uniti’…Dan bħala politika approvata mill-partitarji Repubblikani tal-lemin.

In-Niġerja, uffiċjalment, hi pajjiż sekulari fejn madwar 53 tal-poplu huma Musulmani waqt li xi 45 huma Kristjani…Intant, hemm ukoll ir-residenti li jipprattikaw ir-reliġjonijiet Afrikani tradizzjonali.

U waqt li l-vjolenza kontra l-Kristjani fin-Niġerja qed tattira attenzjoni sinifikanti fuq livell internazzjonali, ħafna analisti qed jaqblu li s-sitwazzjoni fiha aktar kumplikazzjonijiet minn sempliċi ċirkustanzi ta’ persekuzzjoni sfaċċata fuq bażi ta’ reliġjon.