Lokali Qorti

Ħaddiem fl-isptar St. James Capua jgħid li mar darbtejn jiġbor pakkett mill-ħabs

Il-proċeduri fil-konfront ta’ Erin Tanti, it-tabib Josie Muscat u s-sieħba ta’ Tanti, Marisa Gallo, komplew jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, b’xhieda importanti dwar allegat każ ta’ inseminazzjoni artifiċjali li, skont l-akkużi, saret f’ċirkostanzi li ma kinux konformi mal-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

It-tliet persuni huma akkużat b’IVF illegali. Matul is-seduta, xehed Raymond Agius, li ilu jaħdem bħala estate facilitator fl-Isptar St James għal madwar għaxar snin u li qal li jaf lit-tabib Josie Muscat. Huwa rrakkonta kif f’Novembru tas-sena li għaddiet mar darbtejn il-ħabs fuq talba ta’ Dr Muscat biex jiġbor pakketti.

Il-prosekuzzjoni qalet li kienet qed tinforma lill-Qorti li Agius jista’ jixhed liberament għaliex mhumiex se jittieħdu passi kontrih. Agius spjega li l-ewwel darba mar is-Sibt filgħodu, ħabbat mal-bieb tal-ħabs u persuna ħarġet u tagħtu borża ssiġillata li ma kienx jaf x’kien fiha. Qal li l-borża kien tahielu ħdejn il-bieb tal-ħabs u hu mbagħad wassalha fl-isptar Capua f’Tas-Sliema, fejn ħalliha fir-reception qabel telaq.

It-tieni darba, spjega, ġara xi jiem wara. Hekk kif wasal quddiem il-ħabs, darba oħra ħarġet persuna li tah borża simili, ukoll ssiġillata. Agius qal li lanqas dik id-darba ma kien jaf x’kien fiha, iżda wettaq l-istess istruzzjonijiet u wassalha fl-istess post. Huwa żied jgħid li kien jaf lil Dr Muscat għal ħafna snin u kien jafdah, għalhekk ma qagħadx jistaqsi dwar il-kontenut tal-pakketti.

F’iktar fid-dettal Agius spjega li ilu jaħdem bħala estate facilitator fl-Isptar St James Capua għal aktar minn 10 snin. Huwa qal li ilu jaf lil Dr Josie Muscat għal dan il-perjodu kollu u li kultant jagħmel xi xogħol u qadi għat-tabib. Agius spjega kif f’Novembru tas-sena 2024, fuq talba diretta ta’ Dr Muscat, mar darbtejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jiġbor pakketti.

Skont ix-xhieda tiegħu, l-ewwel darba kien is-Sibt filgħodu meta mar bil-karozza tal-kumpanija fejn jaħdem. Meta wasal quddiem il-bieb tal-ħabs, ħabbat u ħarġet persuna li ma kienx jaf. Din il-persuna, għaddietlu borża ssiġillata f’idejh.

Huwa sostna li l-borża kienet magħluqa kompletament u li ma x’kienx jaf x’fiha. Wara li rċieva l-borża, telaq minn Kordin u mar direttament fl-Isptar Capua f’Tas-Sliema, fejn ħalliha fir-reception u telaq. It-tieni darba ġara ftit jiem wara, ukoll is-Sibt filgħodu. Agius qal li din id-darba mar bil-karozza personali tiegħu.

Kif wasal quddiem il-ħabs, ħarġet persuna oħra li qallu biex jistenna ftit. Ftit wara ħarġet persuna oħra, ukoll Maltija, li tagħtu borża oħra ssiġillata fuq l-istess mudell tal-ewwel waħda. Għal darb’oħra, ma kienx jaf il-kontenut tal-borża, u ma saritlu l-ebda mistoqsija fil-bieb tal-ħabs.

Qal li ħa l-borża u wassalha wkoll fl-Isptar Capua, fejn ħalliha fir-reception mingħajr ma tkellem lil ħadd jew iffirma xi dokument. Matul il-kontro-eżami mill-Avukat Jason Azzopardi, Raymond Agius qal li dawn ma kienux l-uniċi żewġ drabi li mar jagħmel xi qadi meta kien ġie mitlub.

Huwa qal ukoll li kien jaf lil Dr Muscat bħala persuna ta’ fiduċja, u ma kellux raġuni biex jissuspetta li kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina jew kontra l-liġi. Matul il-kontro-eżami, Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Dr Christine Schembri Deguara, konsulenta fil-fertilità, li spjegat kif kull proċess ta’ fertilizzazzjoni għandu jkun approvat minn bord ta’ professjonisti u jsir biss f’ċentri liċenzjati, wara valutazzjoni medika, psikoloġika u soċjali dettaljata tal-koppja.

Dr Christine Schembri Deguara, qalet li hi konsulenta fil-fertilità u lead consultant fil-Klinika Hope, spjegat fil-qorti li l-proċeduri ta’ fertilizzazzjoni artifiċjali f’Malta huma regolati ħafna u li qatt ma jistgħu jsiru mingħajr awtorizzazzjoni ċara mill-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Hija qalet li Marisa Gallo kienet marret għandha f’Ottubru 2024 għall-ewwel konsultazzjoni dwar il-fertilità, fejn spjegat li kellha 40 sena u xtaqet tkun omm. Meta l-konsulenta staqsiet dwar is-sieħeb tagħha, Gallo qalet li dan kien il-ħabs, iżda ma tat l-ebda dettall dwar ir-raġuni tas-sentenza tiegħu.

Dr Schembri Deguara spjegat li f’każ bħal dan, il-klinika ma tistax tipproċedi għal ebda trattament sakemm ma jsirx assessjar mediku, psikoloġiku u soċjali kemm fuq il-mara kif ukoll fuq ir-raġel, u sakemm ma jkunx hemm awtorizzazzjoni ċara mill-awtoritajiet.

L-Aġenzija Korrettiva talbet lill-Qorti biex tkun tagħmel parti mill-kawża bħala parte civile, xi ħaġa li d-difiża ma qablitx dwarha. Id-difiża ngħatat ġimgħa ċans biex tagħti l-veduti tagħha dwar ir-rikors ippreżentat.

Il-każ ġie aġġornat għall-15 ta’ Diċembru 2025 fil-12:00 p.m. Għat-tabib Josie Muscat, dehru l-Avukat Jason Azzopardi, Nicolai Bugeja u Joseph Bugeja. Għal Erin Tanti u s-sieħba tiegħu dehru l-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Stephen Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Lydon Zammit.