Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ bejn il-Gvern ta’ Malta u Steward Health Care, ippubblikata aktar kmieni llum.
Filwaqt li jidher biċ-ċar li d-deċiżjoni tikkonferma dak li diġà nstab fiż-żewġ sentenzi tal-Qrati Maltin u fit-tliet rapporti tal-Awditur Ġenerali – jiġifieri li kien hemm kollużjoni u falliment totali kontra l-poplu Malti – il-Partit Nazzjonalista qed janalizza bir-reqqa d-dettalji tad-deċiżjoni.
Id-deċiżjoni turi wkoll li d-dikjarazzjoni tal-Gvern li kien hu li fetaħ l-arbitraġġ hi falza. Kif issemma fil-konklużjoni uffiċjali, kienu Steward li marru għall-arbitraġġ kontra l-Gvern Malti, u mhux bil-maqlub.
Importanti wkoll il-konklużjoni ċara tat-Tribunal fejn jingħad:
“Sadly, the concession for these hospitals turned out to be a failure and gave rise to different proceedings, including before the Courts of Malta. The primary victims of this failure are the citizens of Malta who were anxious of receiving through a public-private partnership improved health-care services in an improved hospital environment in their beautiful country.”
Din mhix opinjoni tal-PN; din hija d-dikjarazzjoni tal-arbitri internazzjonali, li b’mod ċar daqs il-kristall jgħidu li l-poplu Malti kien il-vittma ta’ falliment li qatt ma kellu jseħħ.
Frott dak li l-Qrati diġà ddeċidew li kienet kollużjoni, il-poplu Malti baqa’ b’xiber mnieħer fuq l-isptarijiet – sptarijiet li suppost kienu se jkunu proġetti ta’ servizz u ta’ tama.
Din id-deċiżjoni tkompli tikkonferma kif dawn il-kuntratti kienu maħduma kontra l-interess pubbliku u qatt ma messhom saru. Għal darba oħra qed naraw li mhux biss ma nbena u ma ttejjeb xejn, iżda li miljuni ta’ ewro taċ-ċittadini ntefqu fix-xejn.
//= $special ?>
