Lokali

“Il-miżuri tal-lum mhux biex insolvu l-problema tat-traffiku”

Il-Gvern irid li sewwieqa minn 30 sena ‘l isfel jagħtu lura l-liċenzja tas-sewqan għal €5,000 għal 5 snin. Dan filwaqt li għadhom għaddejjin l-istudji fuq meta jinġabar l-iskart. Dawk kienu s-soluzzjonijiet offruti ġimgħa u nofs ilu mill-Ministru tal-Finanzi – u waqt il-programm Xtra, il-Ministru tat-Traffiku Chris Bonett mhux li żied bil-wisq fuqhom. Dan hekk kif saħaq li l-istudji fuq il-metro għadhom għaddejjin, minkejja li Clyde Caruana ma semmiex imqar sentenza waħda dwar dan il-proġett tat-trasport tal-massa.

Bonett preċiża jgħid li l-problema tat-traffiku mhux se tissolva illum imma jeħtieġ bidla fil-kultura.

Minn naħa l-oħra, ix-Shadow Minister għat-Trasport, Toni Bezzina, saħaq li l-Partit Laburista ilu fil-Gvern 14-il sena, u s’issa flok taffa l-problema kompla jżid il-kriżi.

Intant, il-Ministru Chris Bonett qal li bħalissa qed jieħdu deċiżjonijiet mhux biex isolvu l-problema tat-traffiku.

Ix-Shadow Minister Toni Bezzina appella sabiex flimkien bħala żewġ partiti ewlenin fil-Parlament isibu triq u soluzzjoni tanġibbli f’dak li għandu x’jaqsam trasport tal-massa – għal ġejjieni aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.