Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ċaħdet it-talba ta’ Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit li sostnew li nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom meta fl-2021 ġew iffriżati l-assi tagħhom wara l-akkużi kriminali ta’ ħasil ta’ flus u frodi.
Keith Schembri kien ġie arrestat u nżamm taħt arrest preventiv f’Mejju ta’ dik is-sena wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ ħasil ta’ flus, konfoffa kriminali, frodi u falsifikazzjoni. Huwa kien fost 11-il persuna li tressqu l-qorti bħala parti minn investigazzjoni estensiva dwar kriminalità finanzjarja.
Fost l-akkużati kien hemm ukoll il-partners ta’ Nexia BT, Brian Tonna u Karl Cini, flimkien ma’ sieħbu fin-negozju Malcolm Scerri u missieru Alfio Schembri, li kollha tressqu b’accużi simili u li ngħataw l-ebda libertà proviżorja. L-uniku wieħed li ngħata l-ħelsien mill-arrest kien Vince Buhagiar, eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers.
Sena wara, f’Mejju 2022, Schembri, missieru, Zammit u Scerri ressqu rikors kontra l-Avukat tal-Istat quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, fejn sostnew li l-ordni ġenerali ta’ ffriżar tal-assi tagħhom kienet kisret id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għal proprjetà u għal proċess ġust.
Il-kawża kienet relatata mal-ordni ta’ ffriżar imposta taħt il-Prevention of Money Laundering Act, li limitat l-aċċess tagħhom għal ammont ta’ madwar €14,000 fis-sena. Il-partijiet sostnew li ma setgħux jitolbu lill-qorti tneħħi jew tirrevoka l-ordni qabel ma jintemmu l-proċeduri kriminali kontrihom, għaliex il-liġi ma tipprovdix rimedju bħal dan.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, analizzat id-dispożizzjonijiet tal-istess liġi u osservat li minkejja li ordni ta’ ffriżar tikkawża ċertu tfixkil jew tbatija lill-persuna affettwata, hija miżura kawtelatorja li għandha l-iskop li tipprevjeni t-trasferiment jew il-ħabi ta’ assi li jistgħu jkunu derivati minn atti kriminali.
Għaldaqstant, skont il-Qorti, l-individwi affettwati għandhom rimedji legali sabiex jitnaqqsu l-effetti tagħha, bħal pereżempju li jitolbu awtorizzazzjoni mill-qorti biex iħallsu djun minn kuntratti magħmula b’buona fede qabel l-ordni jew biex jittrasferixxu proprjetà.
Il-Qorti sostniet li, filwaqt li l-iffriżar jista’ jkun ta’ inkonvenjent jew diffikultà, dan waħdu ma jammontax għal ksur tad-drittijiet fundamentali. Hija rrimarkat li matul is-snin il-partijiet kienu ressqu diversi talbiet biex l-ordni tiġi varjata u l-effetti tagħha jiġu mitigati, u ħafna minn dawn it-talbiet ġew aċċettati.
Barra minn hekk, il-Qorti nnutat li waqt il-kontro-eżami, Robert Zammit kien qal “jien irċevejt dak li tlabt,” filwaqt li Keith Schembri ammetta li ma kienx għamel użu mir-rimedji ordinarji disponibbli taħt il-liġi. Il-Qorti saħqet li sabiex ordni ta’ ffriżar titqies sproporzjonata, irid jintwera li l-persuna ma tistax tgħix ħajja diċenti — ħaġa li ma ġietx ippruvata fil-każ preżenti.
Għalhekk, filwaqt li rrikonoxxiet li l-ordni ma tipprovdix rimedju ordinarju immedjat, il-Qorti ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet, peress li dawn kellhom rimedji oħra skont il-liġi li setgħu jagħmlu użu minnhom.
L-Imħallef Giovanni Grixti ppresieda fuq il-kawża. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għall-atturi, filwaqt li l-Avukat tal-Istat kien rappreżentat mill-avukati Julian Farrugia u Yana Bonello.
//= $special ?>

