Internazzjonali

L-2025: Sena oħra dominata mis-sħana enormi

Ix-xjenzati tan-Nazzjonijiet Uniti wissew li din is-sena x’aktarx se tkun it-tieni jew tielet l-aktar sena sħuna għaż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords fuq livell internazzjonali….Dan meta qed ikomplu s-sensiliet ‘bla preċedent’ ta’ temperturi għoljin bħala fenomenu li għandu jibqa’ konsistenti sal-aħħar tal-2025.

Dan sar magħruf meta bħalissa l-mexxejja tad-dinja għaddejjin bit-taħditiet intensivi dwar il-klima waqt is-summit li beda fl-aħħar tal-ġimgħa f’Belém (fir-reġjun tal-Amażonja) fil-Brażil.

Intant, is-summit magħruf bħala COP30 hu fost l-aktar sinifikanti għal snin wara x-xhur ta’ sħana rekord madwar id-dinja.

Dan ukoll, fi żmien meta qed tikber id-domanda għall-enerġija u  b’uħud mill-akbar ekonomiji fid-dinja qegħdin jibdlu drastikament il-politika li tindirizza direttament lill-klima.

It-temperaturi medji għad-dinja bejn Jannar u Awwissu kienu ta’ 1.42 gradi Celsius ogħla miż-żmenijiet ta’ qabel l-era industrijali u qabel il-bniedem beda jaħraq il-fossil fuels fuq skala kbira.