Internazzjonali

L-Indoneżja: Midruba minn splużjoni f’moskea

Għexieren tan-nies spiċċaw midruba fi splużjoni li seħħet f’moskea li tifforma parti minn kumpless ta’ skola għolja f’Jakarta, il-kapitali tal-Indoneżja.

L-aħħar rapporti qalu li talanqas 60 persuna ddaħħlu l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu u fost l-indikazzjonijiet li ftit minnhom kienu jinsabu f’periklu tal-mewt.

Intant, numru tal-midruba kienu trattati għall-ġrieħi ħfiefu u ntbagħtu lura d-dar – bil-Pulizija Metropolitana ta’ Jakarta qed tmexxi l-investigazzjonijiet dwar il-kawża tal-isplużjoni.

Il-kumpless tal-iskola jinsab f’Kelapa Gading, li hu distrett lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Jakarta u meta s-sit, għalissa, hu mimli bl-esperti għall-kontroll tal-isplussivi.

Dan waqt li numru ta’ suldati għalqu l-entratura u aċċessi oħra għall-kumpless waqt li kienu qed isiru l-investigazzjonijiet.

Sadanittant, il-pulizija anki elevaw numru ta’ armi mis-sit u li, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Gvern, kienu jinkludu wkoll numru ta’ machine-guns u pistoli.