Fil-11-il Kampjonat tal-Karate tal-Istati Żgħar tal-Ewropa, li saru f’Larnaca, Ċipru, Malta kisbet riżultat mill-aqwa meta temmet fit-tieni post fil-klassifika ġenerali b’total ta’ 46 midalja – 11-il deheb, 8 fidda u 27 bronż.
Malta kienet rebħet midalji tad-deheb fil-ħames gruppi ta’ età tal-kompetizzjoni – Under 14, Cadet, Junior, Under 21 u Senior – kemm fil-kategoriji individwali kif ukoll f’dawk tat-timijiet tal-kata u l-kumite. Aktar minn 80% tal-atleti kienu fuq il-podju, f’wieħed mill-akbar riżultati għal Malta.
Fost dawk li spikkaw kien hemm Jessica Vella, li rebħet tliet midalji tad-deheb fil-kata individwali taħt il-21 sena, kata individwali Seniors, u kata tat-tim, fejn kienet waħda mill-aktar atleti ta’ suċċess fil-kompetizzjoni.
Id-delegazzjoni ta’ 53 atleta kienet immexxija minn kowċis nazzjonali għal Kata Michelle Vella, Joseph Tanti, Matthew Vella, Michelle Conti, u għal Kumite Josef Antonelli u Joseph Mizzi, taħt id-direzzjoni teknika ta’ Jesmond Schembri. Tliet uffiċjali Maltin – Susan Sciortino, Frank Vella u Anthony Zammit – servew ukoll fuq il-bord tar-refereeing internazzjonali. Id-delegazzjoni kienet immexxija minn Audrey Zammit, Direttur tal-IT tal-Malta Karate Federation.
Il-President tal-Malta Karate Federation Kenneth Abela u d-direttur tekniku Jesmond Schembri kkumentaw li r-riżultat miksub ikkonferma l-progress li għamlet Malta biex tgħolli l-livelli tekniċi u tikkompeti b’konsistenza fuq livell internazzjonali.
//= $special ?>

