Lokali Qorti

Mhux ħati li kellu l-kokaina mhux għal użu personali

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, illiberat lil James Farrugia, ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar, mill-akkuża li kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina mhux għall-użu personali, wara li qieset li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-każ jiur lura għat-3 ta’ Diċembru 2016, meta l-Pulizija tat-Taqsima Kontra d-Droga waqqfu lil Farrugia fil-parkeġġ ta’ Baystreet, San Ġiljan, wara informazzjoni li kien qed isir bejgħ ta’ droga. Waqt tfittxija fil-vettura tiegħu tal-għamla Datsun, fuq is-seat tal-passiġġier sabu pakkett tas-sigaretti li fih kien hemm ħames qratas bi trab abjad, suspettat kokaina.

L-espert tal-qorti, Profs. Emanuel Sinagra, ikkonferma li t-trab kien kokaina ta’ purità ta’ 10% u ta’ piż totali ta’ madwar 2.5 grammi. Madankollu, id-difiża sostniet li l-pakkett ma kienx tiegħu u li xi ħadd ieħor seta’ poġġieh fil-karozza bħala forma ta’ vendikazzjoni. Farrugia spjega li l-karozza tiegħu kienet antika u faċli tinfetaħ, tant li xi darba kien sab ċavetta miksura fis-serratura tan-naħa tax-xufier.

Fuq talba tad-difiża, inħatar espert tekniku, il-Prokuratur Legali Quentin Tanti, li kkonferma li l-vettura kienet antika (mudell Datsun Cherry tal-1981) u li l-locks setgħu jinfetħu b’turnavit jew kwalunkwe oġġett simili, filwaqt li rrapport tiegħu kkonkluda li dawn is-serraturi kienu oriġinali u ma nbidlux wara l-każ.

Il-Qorti nnotat ukoll diversi inkonsistenzi fil-provi tal-prosekuzzjoni, fosthom dwar il-pakkett tas-sigaretti li nstab – xi xhieda qalu li kien Dunhill, oħrajn semmew Vogue – u l-fatt li xi oġġetti msemmija matul it-tfittxija, bħalma huma pepper spray, mus u żewġ mobile phones, qatt ma ġew esebiti fil-proċess. Barra minn hekk, meta saret tfittxija fid-dar tal-imputat ma nstab xejn relatat ma’ traffikar tad-droga, bħalma huma miżien, flus kontanti jew oġġetti oħra suspetti.

Il-Maġistrat qieset ukoll ix-xhieda tal-Ispettur Mark Cremona, li kkonferma li Farrugia kien jgħin lill-Pulizija f’investigazzjonijiet minħabba x-xogħol tiegħu bħala bouncer u security officer f’Paceville. Dan wassal lill-Qorti tqis bħala kredibbli t-teżi li xi ħadd seta’ pprova jinkriminalu b’mod intenzjonat.

Il-Qorti rrimarkat li, filwaqt li kien diffiċli tifhem kif l-imputat ma ndunax bil-pakkett fuq is-seat tal-passiġġier, il-fatt li dan il-pakkett kien Dunhill bħall-marka li jpejjep hu jagħmel il-verżjoni tiegħu loġika. L-imputat żamm l-istess verżjoni tul is-snin, kemm fl-istqarrija tiegħu tal-2016 kif ukoll fix-xhieda tiegħu quddiem il-qorti fl-2021.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset li l-provi ma laħqux il-livell ta’ mingħajr dubju meħtieġ mil-liġi biex wieħed jinstab ħati. Għaldaqstant, James Farrugia ġie liberat mill-akkuża kollha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.