Joe M. Zahra
Iż-żieda qawwija fis-self ġabet magħha żieda daqshekk ieħor qawwija fl-imgħaxijiet li bdew jitħallsu fuq dan is-self. Il-Gvern Laburista kien daraha b’imgħaxijiet baxxi. Bi stocks tal-Gvern li kien jagħlqu u jerġgħu joħorġu b’imgħaxijiet baxxi ħafna ta’ taħt il-wieħed fil-mija. U anke ta’ 0.10 fil-mija!
Nemmen li ħafna jiftakru lill-Prim Ministru Joseph Muscat jiftaħar li tant kien hawn fiduċja fil-Gvern tiegħu li mhux talli l-Gvern ma kienx qed iħallas imgħaxijiet iżda li kienu jħallsu biex il-Gvern iżommilhom flushom. Xi ħaġa li veru kienet qed tiġri iżda mhux biss f’Malta iżda f’żewġ terzi tad-dinja!
Joseph Muscat anki kien jgħid li qed iħallas id-dejn li kienu għamlu gvernijiet Nazzjonalisti. Anki dik verità. Iżda mhux il-verità kollha! Dan għaliex meta stock tal-Gvern jagħlaq, il-Gvern iħallsu billi joħroġ stock ġdid, li fi żminijiet ta’ imgħaxijiet baxxi kien joħroġ b’imgħaxijiet inqas minn dak li kien għalaq.
L-inflazzjoni refgħet rasha
Wara l-pandemija dan ma baqax iseħħ. Il-gvernijiet bdew iqassmu l-biljuni. Tqassim ta’ flus li mela ħafna bwiet bi flus kontanti fl-Ewropa, fl-Istati Uniti tal-Amerika u fid-dinja kollha żviluppata. Dan ġab miegħu inflazzjoni qawwija li biex jikkontrollawha l-banek ċentrali bdew jgħollu r-rati tal-imgħax. Bil-gvernijiet jimxu fuq il-passi tal-banek ċentrali.
F’Malta, il-Gvern beda jissellef b’4.00 fil-mija, b’4.65 fil-mija, bil-5.20 fil-mija. Dan is-self kabbar in-nefqa fuq imgħaxijiet. Nefqa li minn €173.6 miljun fl-2022 telgħet għal €214.3 miljun fl-2023 u €261.4 fl-2024. Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, in-nefqa f’imgħaxijiet kienet ta’ €221.5 miljun meta fl-istess perjodu tas-sena l-oħra kienet €194.3 miljun. Li jfisser li l-Gvern ħareġ €27.2 miljun, jew 14 fil-mija iktar f’imgħaxijiet.
Din is-sena wkoll jagħlaq stock tal-Gvern b’0.50 fil-mija. Dan il-Gvern jerġa’ joħorġu b’imgħax ferm iktar ogħla u hekk in-nefqa fuq l-imgħaxijiet tkompli tiżdied. Is-sena d-dieħla jagħlqu tliet stocks b’0.10 fil-mija; 0.25 fil-mija u 0.40 fil-mija. Dawn jerġgħu joħorġu b’imgħax ogħla. U hekk in-nefqa f’imgħaxijiet tkompli togħla mhux biss fuq l-istocks li jagħlqu iżda wkoll fuq dejn ġdid li jagħmel il-Gvern li jlaħħaq mal-biljun fis-sena.
Tajjeb infakkar li bejn l-2013 u Settembru ta’ din is-sena tħallsu f’imgħaxijiet fuq flus li ssellef il-Gvern iktar minn €2,700 miljun. Kważi tliet biljun ewro li ara x’kien isir bihom!
Iktar infiq, iktar self
Iktar mal-Gvern jonfoq iktar ikollu bżonn jissellef u s-self isir iktar jiswa. Hemm ukoll l-inflazzjoni. Jekk din ma tiġix kontrollata, u għall-banek ċentrali l-kontroll ifisser inflazzjoni ta’ taħt it-tnejn fil-mija, is-self se jsir iktar jiswa u allura l-imgħax jogħla.
Filwaqt li imgħax ogħla huwa ta’ barka għal min jislef fl-istess waqt huwa ta’ piż fuq il-Gvern li jkollu jwarrab iktar biex dawn l-imgħaxijiet jitħallsu. Bil-mod kif qed jiżdied is-self, u kif qed jogħlew l-imgħaxijiet, dak li l-Gvern se jħallas f’imgħaxijiet sa tliet snin oħra se jkun iktar minn darba u nofs dak li tħallas is-sena l-oħra!
Hemm problema oħra! Jekk il-popolazzjoni tonqos, il-piż tal-imgħaxijiet se jaqa’ fuq inqas nies. Hekk inqas nies se jħallsu iktar imgħaxijiet. U b’inqas popolazzjoni s-self isir għola biex tagħmlu. Anki dan wieħed irid jara kemm hu sostenibbli.
Id-domanda akbar għal investiment twassal għal rati ogħla ta’ interessi għax id-domanda trid tintlaħaq mill-istess numru ta’ investituri, li fil-każ tagħna hu l-poplu Malti u Għawdxi. Biex tħajru jinvesti lill-poplu trid toffrilu imgħaxijiet ogħla minn ħaddieħor li jkun qed jikkompeti għall-investiment.
X’inhi s-soluzzjoni
Gvern għaqli jżomm riga fuq l-infiq tiegħu. Jonfoq dak kollu li hemm bżonn għall-infrastruttura, saħħa, edukazzjoni. Iżda ma jonfoqx bl-addoċċ dak li ma jaqlax kif qed jagħmel dan il-Gvern li donnu għalih m’hemmx għada.
Anki jekk l-inflazzjoni tkompli togħla s-self se jogħla wkoll billi joħroġ b’imgħax ogħla. U hekk nidħlu f’ċirku vizzjuż ta’ iktar self b’imgħaxijiet ogħla, li b’popolazzjoni li tonqos se jitħallas minn inqas nies.
Pajjiżna għandu bżonn mudell ekonomiku ġdid illum qabel għada. Mudell mibni fuq valur miżjud ogħla fejn b’inqas nies nipproduċu u naqilgħu iktar. Mudell li jtejjeb id-dħul tal-Gvern mingħajr il-ħtieġa ta’ dan is-self kollu. Mudell fejn il-pagi jkunu aħjar u fejn l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema ma tkunx daqshekk kbira.
Mudell li jrid jieħu f’kunsiderazzjoni li l-Malti tal-lum jista’ jekk irid, u jekk jingħata l-kundizzjonijiet u l-inċentivi, ikompli jaħdem għal iktar snin. U hekk ukoll inaqqsu l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin.
It-triq mhix waħda għall-wita’. Iżda jekk ma rridux li pajjiżna jitkisser taħt il-piż tad-dejn u l-imgħaxijiet, piż li se jiżdied u jkompli jikber, mhux biss għax id-dejn qed jiżdied b’rati insostenibbli (jgħid x’jgħid il-Gvern) iżda wkoll għax l-imgħaxijiet qed jogħlew, irridu nbiddlu r-rotta. Rotta li teħodna għall-kwalità f’kollox. U mhux aktar fuq il-kwantità li pajjiżna ma jiflaħx.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 7 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

