Lokali Qorti

Ordnata l-estradizzjoni lejn l-Irlanda ta’ raġel u ommu mixlijin b’reati gravi fuq qarib tagħhom

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ordnat l-estradizzjoni ta’ raġel ta’ 27 sena u ommu lejn Belfast, fl-Irlanda, fejn dawn qed jiffaċċjaw akkużi gravi fuq qarib tagħhom li meta seħħ l-allegat reat kien taħt l-età. Liam Kieran Schembri McElhatton qed jiffaċċja akkużi gravi li jinkludu sitt każi ta’ theddid u biża’, żewġ każi ta’ stupru u wieħed ta’ ġrieħi gravi fuq il-qarib tiegħu.

Bħal ommu huwa kien qed jikkontesta li jiġi estradit lejn Belfast, fejn huwa mitlub mill-awtoritajiet tal-Irlanda. Ir-raġel kien ġie arrestat mill-Pulizija Maltija fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ taħt il-ftehim magħruf bħala ‘Trade and Cooperation Agreement’.

Il-każ tiegħu huwa marbut ma’ dak ta’ ommu, Stephanie Bernardine Rita Josephine Schembri McElhatton, fejn qed jiġu mitluba biex jiffaċċjaw il-ġustizzja f’pajjiżhom, bil-mara tiffaċċja akkużi li sawtet u kkaġunat ġrieħi lit-tifel. Iż-żewġ akkużati ilhom taħt arrest preventiv minn Settembru.

Waqt il-proċeduri l-Ispettur Robinson Mifsud spjega li Schembri McElhatton qed jintalab mill-awtoritajiet tal-Irlanda sabiex jiġi pproċessat quddiem dawn il-qrati, u mhux minħabba xi sentenza li diġà ngħatat kontrih.

L-Avukat Maria Zerafa Le Gros mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienet ippreżentat id-dokumentazzjoni relatata mat-talba għall-estradizzjoni, filwaqt li l-Qorti kkonfermat li l-persuna arrestata tikkorrispondi ma’ dik mitluba fl-istess mandat.

Id-difiża, rappreżentata mill-avukati Axl Camilleri u Matthew Xuereb, kienet talbet il-ħelsien mill-arrest tar-raġel billi qalet li l-akkużat inqabad fir-residenza reġistrata tiegħu, għandu xogħol stabbli u għadu jitqies innoċenti peress li l-proċeduri kriminali għadhom ma bdewx. Żied jgħid li l-klijent tiegħu jsofri minn xi problemi ta’ saħħa.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi enfasizzat in-natura serja tal-akkużi, b’mod partikolari l-fatt li l-allegati reati twettqu fuq qarib tal-akkużat. Il-Qorti, wara li kkunsidrat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tax-xhieda u l-fatt li l-allegat vittma huwa qarib tal-akkużati, kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukat Axl Camilleri kien talab projizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat, billi l-każ jinvolvi allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq qarib li kien minuri, iżda l-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-isem jibqa’ pubbliku.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat li r-raġel u ommu m’għandhomx jiġu estraditi qabel il-perjodu ta’ sebat ijiem u dan biex jekk huma jixtiequ, jappellaw mis-sentenza. Id-difiża fil-fatt qalet li huma mistennija jappellaw mis-sentenza.

L-Avukati Maria Zerafa Le Gros u Stephanie Harris dehru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mill-Ispettur Robinson Mifsud, filwaqt li l-Avukati Matthew Xuereb u Axl Camilleri dehru bħala difiża.