Futbol Sport

Phil Foden u Jude Bellingham lura fl-iskwadra nazzjonali Ingliża

Il-kowċ tal-Ingilterra, Thomas Tuchel ma' Jude Bellingham.
Il-kowċ tal-Ingilterra, Thomas Tuchel ma' Jude Bellingham.

Phil Foden u Jude Bellingham ġew imsejħa mill-ġdid biex jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Ingliż, mill-kowċ Thomas Tuchel. Matul dan ix-xahar ta’ Novembru, l-Ingilterra se tkun qed tilgħab żewġ partiti internazzjonali kontra s-Serbja u l-Albanija rispettivament.

Fil-każ ta’ Foden, din se tkun l-ewwel darba tiegħu mal-Ingilterra sa minn Marzu li għadda, wara li l-prestazzjonijiet riċenti tiegħu kienu impressjonanti. Fl-aħħar logħba tiegħu ma’ Manchester City, fil-UEFA Champions League, Foden skorja doppjega kontra Borrusia Dortmund.

Bellingham se jkun qed jirritorna fl-iskwadra nazzjonali Ingliża wara li ma kienx inkluż minn Tuchel għall-partiti t’Ottubru, minkejja li l-istilla ta’ Real Madrid ma kellu ebda problema ta’ injury u kien disponibbli biex jilgħab.

Il-midfielder ta’ 22 sena li jilgħab ma’ Bournemouth, Alex Scott, intgħażel għall-ewwel darba biex jifforma parti mill-iskwadra ta’ Tuchel. Scott diġa’ irrapreżenta lill-Ingilterra fil-livell tat-timijiet taż-żgħażagħ, fejn rebaħ il-Kampjonati Ewropej kemm fil-livell ta’ taħt id-19-il sena u l-21 sena.

Mill-għażliet li għamel Tuchel, tħalla barra l-attakkant ta’ Brighton, Danny Welbeck, filwaqt li kien inkluż fl-iskwadra, Anthony Gordon ta’ Newcastle United, minkejja li f’nofs din il-ġimgħa, il-plejer offensiv weġġa’ kontra Athletic Bilbao u deher li seta’ jkun dubjuż.

Il-midfielder difensiv ta’ Crystal Palace, Adam Wharton reġa’ kien imsejjaħ fl-iskwadra Ingliża wara li tħalla barra fl-aħħar żewġ għażliet sforz problema ta’ injury.

Mill-iskwadra nazzjonali li kien sejjaħ Tuchel f’Ottubru li għadda, din id-darba m’hemmx post għal Morgan Gibbs-White, Ruben Loftus-Cheek u Myles Lewis-Skelly.

Intant, il-gowlkiper Nick Pope ta’ Newcastle United, li għandu 33 sena u lagħab għaxar darbiet ma’ pajjiżu, kien inkluż f’din l-aħar għażla ta’ Tuchel, u se jkun qed jieħu post James Trafford.

Twaqqa’ ukoll mil-iskwadra Ingiża, Ollie Watkins għalkemm għal din l-omminssjoni, Tuchel spjega li r-raġuni hi marbuta mal-fatt li l-plejer għadu qed jirkupra minn injury.

L-iskwadra kompluta mmsejħa minn Tuchel hija din:

Gowlkipers – Dean Henderson, Jordan Pickford, Nick Pope.

Difensuri – Dan Burn, Marc Guehi, Reece James, Ezri Konsa, Nico O’Reilly, Jarrel Quansah, Djed Spence, John Stones.

Midfielders – Elliot Anderson, Jude Bellingham, Jordan Henderson, Declan Rice, Morgan Rogers, Alex Scott, Adam Wharton.

Attakkanti – Jarrod Bowen, Eberechi Eze, Phil Foden, Anthony Gordon, Harry Kane, Marcus Rashford, Bukayo Saka.