Lokali Qorti

Probation fuq droga mhux għal użu personali għax temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni

Raġel ta’ 41 sena, Jonathan Fenech mir-Rabat, ingħata probation ta’ tliet snin wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kien fil-pussess ta’ droga kokaina u kannabis mhux għal użu personali, kif ukoll li kien qed imexxi bar mingħajr liċenzja. Il-Qorti qieset il-fatt li Fenech temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni kontra d-droga.

Il-każ imur lura għat-2 ta’ Jannar 2018, meta għall-ħabta ta’ nofsillejl il-pulizija ġew infurmati b’mod anonimu li fil-bar Dive In f’San Pawl il-Baħar kien qed isir traffikar ta’ droga. Meta waslu fuq il-post sabu lill-imputat, li kien qed jaħdem bħala barman, flimkien ma’ tliet persuni oħra.

Waqt tfittxija ġew misjuba fuq l-imputat ammonti ta’ flus kontanti li laħqu €1,135, kif ukoll pakketti żgħar bil-kannabis. Wara l-bar instabu wkoll traċċi ta’ kokaina, miżien u diversi oġġetti relatati mat-traffikar, fosthom boroż vojta u kantunieri maqtugħin.

Fil-friġġ instabet borża bi trab abjad li rriżulta li kien kokaina, kif ukoll karta tal-identità tal-imputat. L-esperti tal-qorti kkonfermaw li l-pakketti kienu jikkonsistu f’14-il gramma kokaina ta’ purità ta’ madwar 22% u 24 gramma kannabis ta’ purità ta’ madwar 23%.

Minkejja li l-imputat sostna li d-droga kienet biss għall-użu personali u li l-flus kienu biex iħallas għal permess tal-bar, il-qorti ma emmnitx din il-verżjoni. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qalet li ċ-ċirkostanzi, inkluż l-ammont ta’ flus, il-preżenza ta’ miżien u l-pakketti separati, juru li d-droga ma kinitx għal konsum personali biss. Barra minn hekk, ġie ppruvat li l-bar kien qed jopera mingħajr liċenzja.

Madankollu, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni wkoll li l-imputat kien temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni kontra d-droga u li ma kellux kundanni preċedenti. Il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga kkonferma li kien għalaq il-każ tiegħu b’mod pożittiv.

Għaldaqstant, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi kollha, il-Qorti ordnat li Jonathan Fenech jitqiegħed taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin. Hu ġie mwissi li jekk jikser il-kundizzjonijiet jew jerġa’ jikkommetti xi reat, il-piena tista’ tiġi aggravata.

Il-qorti ordnat ukoll il-ħlas ta’ €506.22 għall-ispejjeż tal-esperti, il-konfiska ta’ €1,135 favur il-gvern, kif ukoll id-distruzzjoni tad-droga u l-oġġetti relatati taħt is-superviżjoni tar-Reġistratur. Il-mobile phones li kienu nqabdu ġew irrilaxxati lura lill-imputat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Godwin Scerri.