Ftit ġimgħat ilu, il-Bank of Valletta ngħaqad mal-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, biex jinawgura r-restawr ta’ ‘Il-Glorja tal-Immakulata.’ Din hija pittura drammatika tal-apside mill-artist Malti rinomat Giuseppe Calì (1846–1930). Ix-xogħol, li oriġinarjament sar fl-1892 biż-żejt fuq il-ġebla, ġie kkonservat b’reqqa kbira bil-għan li jingħata lura l-glorja oriġinali tiegħu. Dan sar permezz ta’ proċess li kien jinvolvi diversi fażijiet, immexxi mir-restawraturi ta’ Prevarti.
Is-serata nfetħet b’kor akkumpanjat mill-orgni, segwit minn riflessjonijiet tal-Kappillan Fr Martin Coleiro OFM u minn Pierre Bugeja, il-fundatur ta’ Prevarti, li spjega x-xogħol li sar fil-proċess ta’ konservazzjoni. L-inawgurazzjoni u t-tberik tal-apside saru minn Patri Twanny Chircop OFM.
L-apside prinċipali li ġiet restawrata turi lill-Madonna fuq nofs qamar, fiċ-ċentru ta’ kor ta’ anġli miġbura flimkien biex jiffurmaw forma distinta ta’ V. L-ereżija tinsab megħluba taħt riġlejha. Papa Ljun XIII jidher fuq il-lemin, biswit is-simboli tal-Evanġelisti u żewġ anġli. Il-Beatu John Duns Scotus OFM jidher fuq ix-xellug mal-anġli u bandiera ħamra. Il-kompożizzjoni hija mibnija fuq djagonali li jiltaqgħu fil-figura tal-Madonna. Il-Madonna hija mpittra b’kuluri pailidi b’tonalitajiet romantiċi, fl-istil tipiku ta’ Calì. L-istemma tal-familja Navarro tidher fil-kantuniera tax-xellug.
Meta kien qed jagħti ħarsa ġenerali lejn il-proġett ta’ konservazzjoni, Pierre Bugeja spjega: “Wara li wettaqna analiżi xjentifika tal-pittura, ikkonsolidajna l-appoġġ tal-ġebla u stabbilizzajna s-saff taż-żebgħa. Fil-proċess kumpless tat-tindif tneħħa saff ta’ xama’ li kien ġie miżjud fuq il-wiċċ f’intervent preċedenti, flimkien ma’ saff ta’ trab, ħmieġ u rtokki ta’ żebgħa li ġew miżjuda maż-żmien. Fl-aħħar nett, wettaqna riintegrazzjoni konservattiva bl-użu ta’ materjali riversibbli. Il-kuluri u l-istruttura kif maħsuba minn Calì, issa jistgħu jerġgħu jinqraw b’mod ċar, mingħajr ma tiġi kompromessa l-integrità oriġinali tax-xogħol.”
Waqt id-diskors tiegħu lill-kongregazzjoni, Fr Martin qal: “Dan ir-restawr jeleva punt artistiku importanti fil-parroċċa tagħna. Ninsabu grati lejn dawk kollha li għamlu dan possibbli, b’mod partikulari lejn il-Bank of Valletta li qed iħares il-wirt tal-komunità tagħna.”
Charles Azzopardi, Kap tat-tim tas-CSR tal-Bank, irrappreżenta l-Fondazzjoni BOV. Fl-intervent tiegħu, huwa spjega li, “Fil-BOV, aħna nemmnu li komunitajiet b’saħħithom iħarsu l-passat tagħhom waqt li jinvestu fil-futur tagħhom. Aħna ninsabu tassew kburin li konna spalla ma’ spalla mal-Knisja tas-Sacro Cuor u l-komunità ta’ Tas-Sliema biex inħarsu teżor nazzjonali għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Dan huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Bank of Valletta jkompli jinvesti fil-wirt ta’ Malta. Bl-appoġġ tiegħu fil-konservazzjoni ta’ opri ta’ importanza, il-Bank qed jgħin lill-komunitajiet jippreservaw xogħol artistiku li jgħaqqdu n-nies flimkien.


