Robert Abela tant spiċċa dahru mal-ħajt li gideb mal-mikrofonu tat-Times, meta qal li m’hemm ebda sentenza ta’ qorti Maltija li qalet li fid-deal tal-isptarijiet kien hemm frodi.
Dan hekk kif fl-ewwel sentenza tal-Qorti Ċivili tal-Prim’Awla ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale – iswed fuq l-abjad – jingħad li l-Gvern ta’ Malta kellu obbligu u dmir li jwaqqaf il-kuntratti kollha fid-dawl tal-aġir frawdolenti b’mod sistematiku mis-soċjetajiet Vitals u Steward.
Iżda skont Abela dan mhux minnu.
Aktar minn hekk l-istess sentenza tisħaq li hemm indikazzjoni ċara ta’ intenzjoni frawdolenti, u li kien hemm aġir frawdolenti li baqa’ jippersisti meta Vitals Global Healthcare kienet qiegħda topera. Saħansitra hemm sotto-titlu iswed fuq l-abjad li jaqra Aġir Frawdolenti ta’ Steward Malta Limited. Is-sentenza tgħid li l-Qorti ma għandha ebda dubju li l-kundizzjonijiet li daħal għalihom il-Gvern kienu riżultat ta’ aġir frawdolenti minn naħa tal-kumpanija privata konsegwenza wkoll ta’ aġir frawdolenti minn naħa tal-predeċessuri tagħha.
Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu qed jgħid li l-Qorti tal-Appell f’Malta ma qalitx li kien hemm frodi – iżda kien impreċiż hawn ukoll. Għaliex kollużjoni tfisser proprju koperazzjoni sigrieta jew illegali jew saħansitra konfoffa sabiex tinganna lil ħaddieħor – kollużjoni li l-Qorti tal-Appell sabet bejn il-partijiet, ċioè l-Gvern u l-kumpaniji privati, fil-konċessjoni.
Mistoqsi mit-Times, Robert Abela baqa’ jinsisti li l-ebda sentenza tal-qorti ma qalet li kien hemm frodi għajr għal kollużjoni.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Abela mhux talli qal li l-ICC injoraw il-fatt tal-kollużjoni talli saħansitra spjega li l-Gvern u Steward, qablu li ma kienx hemm frodi.
Dan ifisser li skont Robert Abela, il-Gvern ma ddefendiex il-fatt li pajjiżna kien iffrodat mill-kumpaniji – wisq inqas argumentaw il-fatt li kien hemm kollużjoni.
U filwaqt li l-Prim Ministru għadu qed jisħaq li l-poplu Malti ma nsteraqx kemm fis-servizzi iżda aktar minn hekk fix-xogħlijiet li saru, u mhux talli baxxa rasu li l-poplu jrid iħallas aktar miljuni ta’ ewro – għadu ma qalx meta se jippubblika dan ir-rapport. Anzi, żeffen id-dubju – għaliex qed jisħaq li jkun jista’ jagħmel dan jekk iħalluh.
Dan ifisser li wara jumejn jaħrab id-domandi ta’ Net News, Robert Abela tkellem mat-Times fejn aktar ħarġu domandi milli tweġibiet – il-Gvern ressaq il-fatt li kien hemm frodi jew qabel huwa nnifsu li ma kienx hemm? Argumenta li l-Qorti sabet kollużjoni, jew konvenjentament ħarabha? Iżda aktar minn hekk, kif qiegħed jaqbel totalment ma’ din id-deċiżjoni la darba għadu qed janalizzaha?
Mistoqsijiet, li kollha għadhom mhux imwieġba.
//= $special ?>

