Internazzjonali Lokali

Roberta Metsola tiftaħ l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Moldova

F’diskors fil-Parlament tal-Moldova, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li għall-Moldova, “il-wegħda Ewropea m’għadhiex ħolma ‘l bogħod iżda qed isseħħ issa.”

Hija tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala ċittadina ta’ Malta, b’referenza għas-sħubija ta’ pajjiżma fl-UE fl-2004. Il-President enfasizzat il-qawwa trasformattiva tas-sħubija. “Naf x’tista’ tfisser is-sħubija fl-Unjoni Ewropea għal pajjiż u n-nies tiegħu,” qalet il-President Metsola.

Hija enfasizzat li t-tkabbir mhuwiex “ġest ta’ ġenerożità,” iżda l-aktar għodda ġeopolitika b’saħħitha tal-Unjoni, investiment fil-paċi u s-sigurtà kollettiva, li jibbenefika minnu kull min hu involut. Hija kkonkludiet billi assigurat lill-poplu tal-Moldova li l-Parlament Ewropew se jibqa’ magħhom “f’kull pass.”

Il-President Metsola ltaqgħet mal-President tal-Moldova Maia Sandu. Il-President Metsola qalet li l-progress tal-Moldova huwa notevoli, u l-Parlament Ewropew se jkompli jlaħħaq mad-dedikazzjoni tal-Moldova b’azzjoni. Hija żiedet li wasal iż-żmien li l-Moldova tniedi negozjati ta’ sħubija u tersaq eqreb lejn il-familja Ewropea. Aktar tard ipparteċipaw fi djalogu Ewropew maż-Żgħażagħ, bil-President Metsola tgħid liż-żgħażagħ.

Il-President tal-Parlament Ewropew kellha ukoll laqgħat mal-Prim Ministru, Alexandru Munteanu, u mal-Ispeaker Igor Grosu.