Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, bidlet sentenza ta’ sentejn ħabs effettivi f’waħda sospiża imposta fuq raġel ta’ 52 sena, Patrick Mangion, wara li qieset il-progress sostanzjali li dan kien għamel fir-riabilitazzjoni tiegħu mid-droga.
Mangion kien instab ħati li f’Mejju tal-2021 seraq €1,000 mill-kartiera ta’ raġel. Il-każ kien beda meta l-akkużat kien mar ħdejn ir-raġel fil-garaxx tiegħu u beda jitkellem miegħu dwar il-vettura tiegħu. Wara ftit, il-vittma offrietlu birra, u waqt li kienu qed jitkellmu, Mangion dawwar id-diskors fuq verdun li kien hemm fil-garaxx.
Meta r-raġel qam biex inewwel il-verdun, l-akkużat qallu li kien sejjer, iżda ftit wara l-vittma ntebaħ li l-flus fil-kartiera kienu neqsin. Fil-proċess ta’ appell, Mangion sostna li ma kienx hemm biżżejjed provi biex jinstab ħati fuq is-serqa, iżda l-Qorti tal-Appell ma qablitx miegħu u osservat li l-verżjoni tal-vittma kienet koerenti u kredibbli.
Madankollu, il-Qorti laqgħet l-appell fil-parti relatata mar-riabilitazzjoni ta’ Mangion mid-droga. Ġie kkonstatat li f’Awwissu 2024, il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga kien għalaq il-każ tiegħu b’suċċess, u dan wera li Mangion kien għamel progress sinifikanti biex jegħleb il-vizzju li kien wasslu għar-reat.
Il-Qorti rrimarkat li l-azzjoni kriminali kienet ispirata primarjament mid-dipendenza tiegħu fuq id-droga, u għalhekk rat xieraq tikkonverti s-sentenza ta’ sentejn ħabs effettivi f’waħda sospiża għal erba’ snin, sabiex tħeġġeġ lill-ħati biex ikompli fuq it-triq pożittiva tal-irkupru tiegħu.
//= $special ?>

