Ix-shutdown tal-Gvern li qed jipparalizza lid-diversi setturi fl-Istati Uniti issa wassal biex jitħassru l-mijiet tat-titjiriet mill-ajruporti tal-pajjiż…Sitwazzjoni li kienet għadha inċerta sal-ħin li morna għall-istampa.
Is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata wara li l-linji tal-ajru kienu avżati biex inaqqsu mit-traffiku tal-ajru għaż-żmien kollu li jdum għaddej ix-shutdown li qed joħloq inkonvenjent kbir għall-mijiet tal-eluf tal-Amerikani.
Fl-aħħar sigħat, it-titjiriet domestiċi minn 40 fost l-aktar ajruporti attivi spiċċaw affettwati mis-sitwazzjoni…Dan ukoll waqt li l-uffiċjali pruvaw inaqqsu mill-pressjoni fuq il-kontrolluri tal-ajru.
Il-Federal Aviation Administration (FAA) tal-Istati Uniti qalet li t-tnaqqis fis-servizzi, fil-bidu, kellu jaffettwa mal-erba’ fil-mija tat-titjiriet interni – fost l-istennija li talanqas għaxra fil-mija minn dawn it-titjiriet se jispiċċaw ukoll affettwati sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Dan fost il-kalkoli li l-impatt tax-shutdown għandu jaffettwa mal-4,000 titjira kuljum bħala medja.
L-amministraturi tat-torrijiet tal-kontroll fl-ajruporti, fil-preżent, anki qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ air traffic controllers li jew qegħdin jieħdu l-leave għal raġunijiet personali inkella qegħdin jaċċettaw forom ieħor ta’ xogħol f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli.
Din il-kategorija ta’ ħaddiema, fl-aħħar ġimgħat, kienu kostretti li jaħdmu fit-torrijiet tal-kontroll mingħajr paga waqt l-għeluq tal-Gvern federali.
Intant, is-sitwazzjoni qed tħarbat sew il-pjani tal-passiġġieri li jridu jaqbdu t-titjiriet interni – b’uħud mill-akbar linji tal-ajru fl-Istati Uniti qed jaċċertaw lil dawn il-passiġġieri li għandhom jingħataw refunds totali għat-titjiriet li jitħassru.
Ix-shutdowns tal-Gvern qed isiru aktar komuni mis-soltu fl-Istati Uniti u meta, fost oħrajn, huma riżultat dirett taċ-ċirkustanzi politiċi.
Ħafna drabi, dan iseħħ meta l-Partit Repubblikan u l-Partit Demokratiku jkollhom diżgwid partiġġjan dwar l-infiq nazzjonali– bis-sitwazzjoni twassal biex l-aġenziji federali jwaqqfu numru sinifikanti ta’ servizzi essenzjali.
L-aħħar shutdown fl-Istati Uniti hu t-tielet wieħed fiż-żewġ mandati tal-President Donald Trump – u meta l-kriżi attwali ilha għaddejja mill-Ewwel ta’ Ottubru, meta l-Kungress f’Washington naqas milli jgħaddi miżura għall-finanzjament temporanja…Sitwazzjoni li wasslet għall-ewwel paraliżi tal-Gvern fi kważi seba’ snin.
Fil-fatt, ix-shutdown attwali, fil-5 ta’ Novembru, daħal fis-36 jum tiegħu u fejn kien ikkonfermat bħala l-itwal fl-istorja tal-Istati Uniti.
//= $special ?>

