“Alex Borg politiku ġdid b’ideat friski” – Eks Kunsillier tal-Labour

Josef Galea

“Partit fl-Oppożizzjoni mmexxi minn politiku ġdid b’ideat friski u ta’ fejda għaċ-ċittadin kontra partit fil-gvern li huwa skjav tal-iżviluppaturi potenti u li huwa biss Laburista fl-isem.”

Saħaq dan l-eks kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmara  f’opinjoni ppubblikata fis-sit newsbook – dan b’reazzjoni għall-aħħar diskors tar-replika tal-budget mill-Kap tal-PN Alex Borg u l-andament politiku preżenti.

Intant Zammit Marmara beda’ billi saħaq li l-Kap tal-PN Alex Borg  ġab miegħu mewġa ta’ entużjażmu u ottimiżmu. Apparti hekk l-ex kunsillier laburista qal ukoll li Alex Borg laqtu bħala kelliem tajjeb u li dejjem ikun ippreparat sew politiku li jifhem tajjeb is-sitwazzjoni politika preżenti u l-problemi u l-isfidi li qiegħed jiffaċċja pajjiżna u li se jiffaċċja fis-snin li ġejjin.

Apparti min hekk Desmond Zammit Marmara qal li  ħaġa oħra li qed tinkwieta ħafna nies hija l-korruzzjoni fil-ħajja pubblika u in-nuqqas ta’ governanza tajba, b’Zammit Marmara jispjega kif Gvern Laburista litteralment rema l-prinċipju tal-meritokrazija.

Bl-eks Kunsillier Laburista jisħaq li Alex Borg lest li joffri ċerti soluzzjonijiet ġodda u li jirrikjedu kuraġġ, dan apparti li jemmen li Alex Borg jinsab lest jiffaċċja l-isfidi anke b’kull mod possibli.

Intant Desmond Zammit Marmara ġab ukoll l-eżempju tal-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Partit Nazzjonalista biex id-dritt taċ-ċittadin għal ambjent san ikollu l-ħarsien sħiħ tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, bi żvilupp intelliġenti u b’komunitajiet sostenibbli, bl-ex kunsillier Laburista jisħaq li huwa ċert li kien se jwassal għal Malta isbaħ għal kull ċittadin.

Iżda hu ddeskriva dan l-abbozz bħala għodda b’saħħitha għal pajjiż, b’Zammit Marmara jgħid li ġie miċħud mill-Gvern Laburista bl-iskuża tal-passatempi u d-delizzji. Bl-eks kunsillier Laburista jiddeskrivi din il-mossa min naħa ta’ Robert Abela bħala ‘vili ħafna’, meta tqis li jrid jibqa’ għaddej bil-liġijiet tal-ippjanar.

Intant fl-aħħar nett Desmond Zammit Marmara saħaq li l-elezzjoni ġenerali li jmiss hija kaxxa malgħuqa filwaqt li għalaq billi faħħar lil Kap tal-PN u l-mod ġdid  tiegħu ta’ kif jagħmel il-politika  – filwaqt li kkundanna l-Partit Laburista fil-Gvern u saħaq li l-unika xi ħaġa Laburista li għandu l-labour huwa l-isem.