Lokali Qorti

Christian Borg jitlef każ kontra operatur tat-towing: Talbu €8,000 fuq ħsara f’karozza tal-kiri

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ċaħdet it-talba ta’ Chris Borg magħruf aħjar bħala ta’ “No Deposit” li kien fetaħ kawża kontra Kersten Vella, operatur ta’ servizzi ta’ towing u għamillu sekwestru ta’ iktar minn €8,000.

F’dan il-każ Borg, ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela kien qed jopera taħt l-isem kummerċjali Goldcar Malta. Il-kawża kienet infetħet fl-2018 kontra Vella, li jaħdem bi trakk bħala ‘road recovery service’. Turist kien ħalla karozza Peugeot ipparkjata qabel telaq u ġibdet l-ilma fil-magna. Skont Chris Borg il-gearbox kienet park meta Karsten Vella ttowjha, xi ħaġa li l-Qorti warrbet għal kollox.

Borg sostna li Vella kien ikkawża ħsara sostanzjali fuq vettura tal-kiri Peugeot 208 (AQZ 805) propjetà tiegħu, meta allegatament wettaq servizz ta’ towing b’mod ħażin. Huwa talab li Vella jiġi kkundannat iħallas somma ta’ €8,124.24, li tinkludi €5,424.21 bħala spejjeż ta’ tiswija tal-magna u €2,700.03 bħala “loss of use” tal-vettura għal sitt xhur.

Skont Borg, il-ħsara seħħet minħabba n-negliġenza u n-nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti ta’ Vella meta kien qed iwettaq it-towing. Vella min-naħa tiegħu ċaħad ir-responsabbiltà u sostna li hu kien sempliċement ikkummissjonat biex jagħmel towing fuq vettura li diġà kienet bil-ħsara, u li qatt ma kellu pussess effettiv fuqha.

Barra minn hekk, huwa qal li l-ħsarat setgħu ġew ikkawżati minn kawżi oħra, fosthom dħul ta’ ilma fil-magna, u mhux mill-operat tiegħu. Ix-xhieda tal-partijiet kienet varjata. Christian Borg qal li ġie infurmat minn impjegat tiegħu, Mark Mussett, li wara l-intervent ta’ Vella, il-vettura bdiet idahhan u ġarrbet ħsara fil-magna.

Mussett ikkonferma li kien ċempel lil Vella biex jagħmel towing ta’ vettura mwaħħla f’Tas-Sliema u li wara t-towing, il-magna kienet bdiet turi sinjali ta’ ħsara serja. Conrad Bezzina, mekkanik ma’ Goldcar, stqarr li meta fetaħ il-magna sabha kompletament imkissra minħabba li kienet ittowjata fuq il-gear, li jikkawża rotazzjoni interna tal-partijiet tal-magna.

Min-naħa l-oħra, Karsten Vella xehed li l-vettura kienet ipparkjata bejn żewġ karozzi u għalhekk kellu jġorrha minn wara, u li wara li wassalha għand Goldcar, fejn ġie allegat kontrih li għamel ħsara. Huwa qal li mar anke għand il-kumpanija assikuratriċi tiegħu, Elmo Insurance, biex jiġu eżaminati l-ħsarat.

L-espert Johann Triganza, li ħadem bħala surveyor għall-assigurazzjoni, xehed li l-ħsara fil-magna kienet probabbilment ikkawżata minn dħul ta’ ilma li kkawża pressjoni interna eċċessiva fil-magna, u mhux minn towing ħażin.

Triganza spjega li l-effett tal-ilma jista’ joħloq splużjoni interna li tgħawweġ il-partijiet mekkaniċi bħall-‘connecting rods’ u l-‘housing’ tal-magna. Huwa żied jgħid li l-magna kienet diġà żarmata meta mar jispezzjonaha u li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ ħsara minħabba forza esterna jew movimenti tat-towing.

Il-Qorti rrimarkat li l-unika xhud indipendenti kien proprju Triganza, peress li l-bqija tax-xhieda kollha kienu marbuta direttament ma’ Borg jew mal-kumpanija tiegħu. Il-Qorti enfasizzat il-prinċipju li min jallega għandu jipprova, u li għandha tinġieb l-aħjar prova disponibbli skont l-Artikolu 559 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

Hija nnotat li Borg ma ppreżenta l-ebda prova diretta li tgħaqqad it-towing mal-ħsarat fil-magna, u lanqas ma ressqet persuni indipendenti li kienu ħadmu fuq il-vettura meta saret it-tiswija jew il-bidla tal-magna.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti qieset li ma kien hemm l-ebda prova biżżejjed li tikkonferma li l-ħsarat fil-vettura kienu effettivament ikkawżati minn azzjoni jew negliġenza ta’ Karsten Vella waqt it-towing. Anzi, ir-rapport tekniku ta’ Triganza kien juri kawża alternattiva ħafna iktar probabbli – ingress ta’ ilma fil-magna – li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ towing ħażin.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Christian Borg u laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ Karsten Vella, billi kkonkludiet li ma ġietx ippruvata relazzjoni kawżali bejn l-azzjoni ta’ Vella u l-ħsarat fil-vettura. L-ispejjeż kollha tal-kawża ġew imposti fuq Christian Borg. Għal Kersten Vella, deher l-Avukat David Gatt filwaqt li għal Borg dehret l-Avukat Margot Zammit Fiorentino.