Lokali Qorti

Kaptan mhux ħati li attakka lis-superjur tiegħu

Il-Maġistrat Astrid May Grima lliberat lil Leonard D’Emanuele, kaptan ta’ 45 sena li jaħdem fis-Sajd, mill-akkużi li hedded u attakka lill-uffiċjal superjur tiegħu waqt argument fuq il-moll tal-sajjieda fil-Marsa, wara li l-qorti qieset li ma kien hemm ebda prova medika ta’ ġrieħi u x-xhieda ma kinitx biżżejjed biex tistabbilixxi ħtija lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-każ kien seħħ fil-5 ta’ April 2024, meta D’Emanuele kien akkużat kellu xi jgħid u ħebb għal Christopher Camilleri, uffiċjal tal-Protezzjoni tas-Sajd, waqt diskussjoni li eskalat wara tilwima żgħira dwar il-mod kif tqiegħed ‘fire extinguisher’ fuq il-post tax-xogħol.

Fil-qorti, Camilleri rrakkonta kif D’Emanuele allegatament daħal fl-uffiċċju jgħajjat dwar il-mod li bih kienu qed jinżammu l-‘fire extinguishers’, fejn sostna li kienu “perikolużi” u talab li jiġu mċaqalqa. Camilleri qal li pprova jitlaq mill-kamra biex ma jkomplix jiskala l-argument, iżda D’Emanuele segwieh sal-moll, fejn beda jgħajjat u hedddu li kien se jitfgħu fil-baħar għax kien “xeba’ bil-kundizzjonijiet tax-xogħol.”

F’dak il-mument, sostna Camilleri, l-akkużat allegatament daqq tah daqqa ta’ ras fuq moħħu u ħallih muġugħ. Wara l-inċident, Camilleri mar il-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u ġie riferut għall-kura medika. Iżda Kristina Marie Pulis, it-tabiba li eżaminatu fl-Isptar Mater Dei, qalet fil-qorti li waqt l-eżami tagħha ma nstab l-ebda sinjal ta’ ġrieħi – la tbenġila, la ħmura u lanqas grif – u lanqas ma kien hemm ħsara interna jew demm wara CT scan u kienet qed teskludi xi ħsara fil-moħħ.

Din ix-xhieda medika kienet kruċjali, hekk kif il-qorti rrimarkat li l-ebda evidenza ma kkonfermat li l-vittma weġġa’ jew ġie attakkat. Minn naħa tiegħu, D’Emanuele xehed li l-konfrontazzjoni kienet “emozzjonali” u li t-tnejn kienu qed jgħollu leħinhom, iżda ċaħad b’mod kategoriku li ta daqqa b’rasu lil Camilleri.

Spjega li Camilleri kien qam minn fuq is-siġġu, ta l-istess siġġu daqqa ta’ sieq u ħareġ il-barra rrabjat. Huwa segwieh biex isir jaf x’kien ġara u ammetta li kien qed jgħajjat u jsabbat idejh, iżda sostna li ma laqtu b’ebda mod.

Ix-xhud Benjamin Borg, il-koordinatur fuq il-post, ikkonferma parti mill-verżjoni ta’ D’Emanuele. Qal li Camilleri kien diġà rrabjat qabel ħareġ mill-uffiċċju u li, meta l-irġiel resqu lejn xulxin fuq il-moll, ma rahx daqq ta’ ras jew xi att ta’ vjolenza. Barra minn hekk, Borg żied jgħid li meta Camilleri qallu li kien se “jmur l-isptar biex jirrapporta,” ma semmiex li ġie milqut.

Il-qorti osservat li, għalkemm ċertifikat mediku mhuwiex indispensabbli biex jiġi ppruvat ġrieħi ħfief, f’dan il-każ l-evidenza kollha – kemm dik medika kif ukoll dik xjentifika u x-xhieda – ma kinitx tissodisfa l-livell ta’ prova rikjest bil-liġi. Ma nġieb l-ebda filmat tas-CCTV li juri attakk, u l-unika prova diretta kienet il-verżjoni ta’ Camilleri li ma sabitx korroborazzjoni.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Grima kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma wrietx lil hinn minn kull dubju raġonevoli li seħħ reat ta’ theddid jew aggressjoni fuq uffiċjal pubbliku, u għalhekk assolviet lil Leonard D’Emanuele minn kull akkuża. L-ebda ordni ta’ protezzjoni jew miżura oħra ma ġiet imposta kontra l-akkużat.