Alex Attard
Il-pubblikazzjoni riċenti dwar l-Arċisqof Emeritu Monsijur Pawlu Cremona, pubblikazzjonit ta’ Kite Group, hija okkażjoni oħra li nsiru nafuh aktar mill-viċin u bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni Mons. Cremona se jibqa’ fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin matul is-snin.
Hekk iddeskriva l-pubblikazzjoni dwar l-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona, Dumnikan li laħaq Kap tal-Knisja f’Malta qabel l-Arċisqof preżenti Charles J. Scicluna. L-Arċisqof Cremona miet fl-età ta’ 79 sena aktar kmieni din is-sena meta kien qed jgħix l-aħħar żminijiet ta’ ħajtu fid-Dar tal-Kleru.
In-Nazzjon tkellem ma’ Dr Kenneth Vella li kkonvinċa lil Monsinjur Cremona jikteb dwar ħajtu. Jgħid li ma kinetx faċli, imma fl-aħħar Monsinjur Cremona aċċetta li tinkiteb mhux bijografija iżda l-istorja dwar ħajtu fil-forma ta’ intervista kemxejn fit-tul.
Meta ġiet l-idea li tinkiteb il-bijografija tal-Arċisqof Cremona u kemm domt biex lestejt dan il-proġett?
Kollox beda lejn l-aħħar tas-sena 2023 meta waqt żjara li għamilt lill-Arċisqof Emeritu fid-Dar tal-Kleru kont ħeġġiġtu jikteb l-awtobijografija tiegħu. Kont offrejt l-għajnuna tiegħi filwaqt li ħabib ieħor tiegħu, Michael Zammit, kien ikkonferma wkoll li kien lest jagħtini daqqa t’id, speċjalment meta jkolli xi dubju jew inkun irrid aktar informazzjoni dwar xi suġġett. Zammit anki għenni f’partijiet tat-traskrizzjoni, u ta’ dan nirringrazzjah ħafna. Ma kienx faċli li tikkonvinċih. Bdejna l-kitba minnufih u prattikament l-ewwel verżjoni kienet lesta fil-bidu tas-sena.
L-Isqof Cremona ried fil-fatt jippubblika l-bijografija tiegħu?
Monsinjur Cremona qatt ma ried bijografija tiegħu. Niftakar l-ewwel darba li ssuġġerejtlu dan kien qalli: “Le, insa. Ħafna drabi fil-bijografiji jsir l-iżball li jkun hemm biss tifħir ta’ dak li jkun.” Wara ssuġġerejtlu li navviċina numru ta’ persuni li jafuh u kull wieħed jikteb kapitlu dwaru. Anki din l-idea ma għoġbitux u qalli: “U min se titolbu jikteb xi ħaġa dwari u se jmaqdarni? Dan jerġa’ jkun eżerċizzju ta’ tifħir għalija.”
Fl-aħħar issuġġerejt li niktbu l-awtobijografija bi stil differenti, li nistaqsih mistoqsijiet u hu jweġibni, speċi ta’ intervista fit-tul dwar diversi temi. Din l-idea għoġbitu għax raha bħala pubblikazzjoni interessanti li dak li jkun isib tweġiba għal diversi mistoqsijiet u temi. Nassigurak li kif qbilna deher entużjast u beda jħares ’il quddiem li jaraha lesta.
X’messaġġ ħadt mill-pubblikazzjoni dwar ħajjet l-Isqof Cremona?
Ma kellix dubju iżda aktar ikkonfermajt li kien qaddis jgħix fostna, kemm kellu qalbu tajba, kemm kellu l-poplu u r-reliġjużi għal qalbu. Fuq kollox kemm tana tagħlima meta dawwar il-mard bħala okkażjoni ta’ tama.
X’sirt taf li ma kontx taf fuq Monsinjur Cremona?
Bħala edukatur irrealizzajt x’rispett kellu lejn l-edukaturi u l-infermiera, kemm kien jara dawn il-professjonijiet b’mod nobbli. Sirt naf aktar ukoll dwar it-trobbija tiegħu fil-Belt Valletta, il-passatempi tiegħu, l-imħabba tiegħu lejn il-futbol, il-laqgħat li kellu mal-Papa Benedittu u l-Papa Ġwanni Pa t-Tieni.
Kif tiddeskrivi lil Mons. Cremona issa li taf ħajtu?
L-Isqof Pawlu Cremona kien qaddis jgħix madwarna, bniedem sempliċi li kapaċi jinżel għal-livell ta’ kulħadd, jieħu interess f’kulħadd. Kont nemmen hekk qabel ma ktibna l-pubblikazzjoni. Il-ktieb ikkonferma biss dan il-ħsieb tiegħi.
Taħseb li kulħadd kien jaf il-vera Monsinjur Cremona?
Ma naħsibx li hu l-każ. Pereżempju jien qabel ma sirt nafu personalment kont naħseb li bħala Arċisqof kien diffiċli biex tavviċinah jew tkellmu. Iżda meta kkuntattjajtu għall-ewwel darba rrealizzajt kemm hu persuna sempliċi u faċli tiltaqa’ miegħu, mingħajr ħafna proċeduri żejda.
Għaliex fit-titlu hemm il-kliem ‘Ħejju t-Triq għall-Mulej’?
Iddeċidejna li nsemmuh hekk għax din il-frażi kienet il-motto episkopali tiegħu u dejjem kienu kliem għal qalbu.
X’kienet l-akbar sfida fil-ħajja tal-Isqof Cremona?
Diffiċli tgħid dan iżda llum nemmen li waħda mill-isfidi kienet li jsib bilanċ bejn id-dmirijiet uffiċjali tiegħu ta’ Arċisqof u x-xogħol pastorali li tant kellu għal qalbu. Jidher ċar li meta kien Arċisqof xorta ma kienx jirrifjuta li jattendi għal attivitajiet soċjali u pastorali, u dan kien jeħodlu ħafna ħin u saħħa. Dan kien ukoll riżultat ta’ għejja li ħakmitu matul l-episkopat tiegħu. Madankollu l-fatt li żamm dan il-kuntatt mal-pubbliku għenu biex jidħol fil-qalb ta’ ħafna.
Ħaseb li se jkollu xi effett fil-ħajja taċ-ċittadin?
Konvint li iva speċjalment meta kien jara l-ħidma tiegħu bħala waħda ta’ servizz lejn l-oħrajn.
Xi tfisser għalik li fl-aħħar irnexxielek tikteb fuq il-ħajja ta’ Monsinjur Cremona?
Personalment inħoss sens ta’ sodisfazzjon li bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni qegħdin nagħtu tislima xierqa lil Monsinjur Cremona. Dan għax nemmen li l-kitba ma jħassarha ħadd, tibqa’ hemm għal dejjem u Monsinjur Cremona ħaqqu kull tifħir u kull apprezzament għal dak kollu li għamel.
Għaliex il-Maltin u l-Għawdxin għandhom jaqraw din il-pubblikazzjoni?
Għax hija okkażjoni oħra biex isiru jafuh aktar mill-viċin u bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni Mons. Cremona se jibqa’ fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin matul is-snin. Jalla wkoll li joħroġ il-ġid mid-diversi riflessjonijiet li hemm inklużi fil-pubblikazzjoni. Finalment ħajr speċjali jmur lejn Michael Zammit tal-għajnuna u lejn Mary Louise Cremona, oħt l-Arċisqof Emeritu, li għaddietli ritratti personali li qatt ma ġew pubblikati qabel.
• Il-ktieb ‘Pawlu Cremona – Ħejju t-Triq għall-Mulej’ jinsab għall-bejgħ fl-istand ta’ Kite Group waqt il-Festival tal-Ktieb fl-MFCC

Kenneth Vella
Dan l-intervista dehret f’In-Nazzjon tas-Sibt 8 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

