Lokali

NUMRU TA’ ARRESTI: Misjuba vetturi lussużi, flus kontanti, droga u ġojjellerija

Wara li fl-aħħar jiem il-Pulizija wettqet sorveljanza fuq żewġt irġiel u mara, li allegatament kienu qegħdin joperaw ċirku ta’ traffikar tad-droga, huma ġew arrestati l-Ġimgħa filgħodu.

F’rejd li l-Pulizija wettqet f’residenza f’San Ġwann, li minnha allegatament kienet qiegħda tiġi ppreparata d-droga, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 40 sena. Tfittxija fil-post wasslet għas-sejba ta’ madwar 300 gramma kokaina, imqassma f’diversi pakketti żgħar li juri li kienu qegħdin jiġu ppreparati biex jinbiegħu, kif ukoll oġġetti oħra relatati mal-preparazzjoni tad-droga sabiex tkun ittraffikata. Il-valur tad-droga misjuba tlaħħaq ftit aktar minn €20,000.

Intant, ftit qabel, mill-istess residenza ħarġet mara ta’ 41 sena li ġiet arrestata l-Marsa.

Fl-istess waqt, il-Pulizija arrestat raġel ieħor, ta’ 32 sena, f’Bormla, li mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li allegatament kien qiegħed iqassam id-droga li kienet tkun ippreparata f’San Ġwann. Saret tfittxija fir-residenza tiegħu fil-Belt Valletta fejn instabu madwar €6,000 fi flus kontanti, kif ukoll għad ta’ ġojjellerija.

Tfittxija oħra saret f’garaxx f’San Ġwann, fejn il-pulizija issekwestrat żewġ vetturi – Mercedes u Porsche Cayenne – bħala parti mill-investigazzjonijiet.