Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li wettaq serqa mill-Għassa ta’ Santa Venera

Nico Spalding, żagħżugħ ta’ 27 sena, mingħajr ma għandu ndirizz fiss, inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli fil-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa daħal fil-Għassa tal-Pulizija ta’ Santa Venera u seraq tagħmir tal-pulizija, fosthom radju tal-komunikazzjoni, PDA li jintuża biex jinħarġu ċ-ċitazzjonijiet, torch u xi oġġetti żgħar oħra bħal lapsijiet u materjal ieħor li kien fl-Għassa tal-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Christine Delia u Sarah Kathleen Zerafa, sostniet li dan is-serq li seħħ bejn in-12.30am. u s-2am. jammonta għal valur totali li ma jeċċedix l-€2,329.37.

Huwa ġie mixli wkoll li kkawża ħsarat fuq proprjetà tal-Korp tal-Pulizija li ma jaqbisx il-€250. Spalding ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew impostu fuqu fl-2023 mill-Maġistrat Leonard Caruana, u li wettaq dan ir-reat filwaqt li kien għadu taħt sentenza sospiza, u għalhekk qed jiġi meqjus bħala reċidiv taħt il-Kodiċi Kriminali.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li ġiet opponuta bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni minħabba nuqqas ta’ affidabilità u l-fatt li m’għandux indirizz fiss. Il-Maġistrat Nadine Sant, li quddiema tressaq iż-żagħżugħ ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Minħabba l-gravità tar-reat u n-natura tiegħu – jiġifieri serq minn ġewwa għassa tal-pulizija stess – il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti sabiex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest tiegħu u tordna li jerġa’ jinżamm taħt arrest preventiv, kif ukoll li jiġi kkonfiskat il-pleġġ ta’ €3,000 li kien ingħata bħala garanzija. Għal Nico Spalding dehret l-Avukat Martina Herrera.