Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja f’Malta u f’Għawdex għas‑sena skolastika 2026‑2027 jinsabu fuq il‑website tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt.
B’kollox hemm 1,861 post vakanti għall‑istudenti (1,621 f’Malta u 240 f’Għawdex). L‑applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ għal Malta u Għawdex se jintlaqgħu bejn it‑13 u l-20 ta’ Novembru 2025.
L-‘applikazzjoni tard’ se jintlaqgħu bejn is-27 u l-4 ta’ Diċembru 2025. L‑applikazzjonijiet ta’ ‘Applikanti l‑Oħra’ jintlaqgħu bejn it‑28 ta’ Jannar u l‑4 ta’ Frar 2026. L-‘applikazzjoni tard’ se jintlaqgħu bejn l-11 u s-18 ta’ Frar. Il‑lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir‑regolamenti.
Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja u tas-Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal‑istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.
Se jiġu allokati numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew se jkollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra.
Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel sena kindergarten u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis‑sitt sena primarja fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja u tas-Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil u applikanti mill‑Għasri. Dawn l-applikanti jistgħu jkunu kemm mainstream kif ukoll bl‑għajnuna ta’ LSE.
//= $special ?>

