Internazzjonali

Il-Belġju: Protezzjoni wara l-inċident bid-drones

Ir-Renju Unit qed tipprovdi appoġġ militari lill-Belġju wara li dan il-pajjiż spiċċa suġġett għall-inkursjoni ta’ drones barranin fl-ispazju tal-ajru tiegħu…Dan fost indikazzjonjiet li d-drones kienu tar-Russja li, x’aktarx, qed teżamina l-kapaċitajiet tal-Ewropa biex tirreaġġixxi għall-azzjonijiet ostili.

Il-Kap tal-Istaff ġdid tad-Difiża Britannika, Sir Richard Knighton, żvela li l-Ministeru tad-Difiża Belġjan talab għal din l-assistenza u li r-Renju Unit qed jipprovdi ‘it-tagħmir u staff meħtieġ’ lill-Belġju.

L-ajrport ta’ Brussell, fil-muniċipalità ta’ Zaventem, jiem ilu kellu jagħlaq temporanjament wara li ntlemħu numru ta’ drones ‘misterjużi’ fl-inħawi. Intlemħu anki drones oħrajn mhux identifikati fuq lokalitajiet oħrajn tal-Belġju, fosthom bażi militari ewlenija.

Min-naħa tiegħu,Sir Richard Knighton qal li mhux ċert ‘mija-fil-mija’ li l-inkursjonijet kienu diretti mir-Russja, għalkemm wieħed irid iżomm f’moħħu li ‘il-possibbiltà hi kbira’.

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, John Healey , qal li l-Ewropa tinsab f’aktar periklu ta’ azzjonijiet ostili fuq livell ta’ hybrid u għaldaqstant, is-saħħa tal-pajjiżi tiddependi mill-alleanzi sodi u d-determinazzjoni kollettiva li huma jiffaċċjaw flimkien it-theddid għall-infrastruttura kritika u l-ispazju tal-ajru sovran tal-pajjiżi.