L-attakki konsistenti tar-Russja fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna żiedu l-periklu li l-poplu ċivili Ukren jispiċċa mingħajr mezzi tas-sħana matul ix-xhur kiefra tax-xitwa.
Dan ukoll meta Moska rrankat l-istrateġija tal-attakki fuq il-faċilitajiet inkwistjoni, sal-punt fejn irnexxielha teqred parti sostanzjali tal-infrastruttura tal-enerġija għall-Ukreni… Fil-fatt, l-attakki speċifiċi u attwali huma l-aktar ħorox mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Fl-aħħar sigħat, is-sistema Ukrenergo, li tmexxi t-trasmissjoni tal-enerġija għall-Ukreni, kienet qed tistenna qtugħ ta’ dawl b’massimu ta’ 16-il siegħa qalb ir-reġjuni prinċipali tal-pajjiż – u meta l-attakki tar-Russi kienu qed ikomplu bla heda.
Jerġa’ aktar inkwetanti kien il-kumment li l-offensiva fuq il-faċilitajiet tal-Ukreni naqqsitilhom il-kapaċitajiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għal ‘kważi zero’ f’ċerti ħinijiet tal-lejl u l-ġurnata.
Dan meta l-qawwiet Russi, bejn nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd, sparaw il-mijiet tad-drones lejn il-faċilitajiet tal-Ukrajna… Attakki li fihom inqatlu talanqas għaxra.
F’din is-sitwazzjoni anki naqsu bil-kbir il-provvisti tal-ilma għall-Ukreni li x’aktarx, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkollhom jirrikorru għas-sorsi primittivi biex jiġġeneraw is-sħana.
Fl-aħħar sigħat, ir-reġjuni ta’ Kyiv, Dnipropetrovsk, Donetsk, Kharkiv, Poltava, Chernigiv u Sumy kienu milqutin mill-qtugħ twil fil-provvisti tad-dawl – bid-drones tar-Russja jolqtu wkoll l-inħawi qalb iż-żewġ substations tad-dawl nukleari fil-Punent tal-Ukrajna.
Is-substations inkwistjoni jiġġeneraw l-enerġija għall-faċilitajiet nukleari ta’ Khmelnytskyi u Rivne ftit ‘il hinn minn Lutsk u l-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andrii Sybiha, ilbieraħ, ħeġġeġ reazzjoni mill-International Atomic Energy Agency (IAEA) li hi l-osservaturi ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-attivitajiet nukleari.
Sybiha qal li r-Russja qed tipperikola ‘bi ħsieb’ is-sigurtà tal-Ewropa b’relazzjoni mas-settur nukleari. Hu, intant, sostna l-importanza li l-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA jirrispondu b’urġenza ‘għal dan l-element ta’ sogru li bl-ebda mod ma jista’ jitqies aċċettabbli’.
L-Ukrajna, fl-istess ħin, qed tħeġġeġ biex iċ-Ċina u l-Indja – żewġ pajjiżi li qed jixtru kwantitajiet kbar taż-żejt mingħand ir-Russja – iwettqu huma wkoll il-pressjoni fuq Moska biex ma tkomplix bl-attakki fuq dan is-settur delikat kif ukoll fuq il-faċilitajiet tad-dawl tant importanti għall-familji Ukreni.
//= $special ?>

