Futbol Sport

Manchester City inaqqsu d-distakk ma’ Arsenal għal erba’ punti fl-elf partita ta’ Pep Guardiola

Ritratt: EPA

Fl-Etihad Stadium Manchester City kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 fuq Liverpool f’dik li kienet l-elf partita ta’ Pep Guardiola fil-karriera maniġerjali tiegħu. B’hekk Manchester City naqqsu d-distakk għal erba’ punti biss minn ma’ Arsenal f’ras il-klassifika.

Kien Erling Haaland, li wara li falla penalty kmieni fil-partita, fid-29 minuta poġġa’ lil Manchester City fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras stupenda biex għeleb lil Marmashvidili għal 1-0. Is-Citizens irduppjaw fil-ħin mogħti żejjed ta’ l-ewwel taqsima minn gowl ta’Nico Gonzalez, qabel kien il-plejer tal-partita, Jeremy Doku, li assigura mir-rebħa għal 3-0.

F’Villa Park rebħa kbira għal Aston Villa ta’ 4-0 fuq Bournemouth. Riżultat sorpriża meta wieħed jikkunsidra il-forma li kienu għaddejin biha Bournemouth fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Huma fetħu l-iskor fit-28 minuta meta kien Emiliano Buendia li minn freekick dirett għeleb lil Dorde Petrovic għal 1-0.

Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima huma rdoppjaw meta din id-darba kien Amadou Onana li b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa għeleb lil Petrovic għal 2-0. Fis-67 minuta Antoine Semenyo għal Bournemouth ma rnexxielux jiskorja mill-ħdax-il metru, biex għaxar minuti wara minn corner ta’ Lucas Digne, kien Ross Barkley li bir-ras kkonkluda fix-xibka għal 3-0. Fit-83 kien Donyell Mlalen li ra x-xutt devjat tiegħu jispiċċa fix-xibka għal riżultat finali ta’ 4-0.

Fil-Gtech Community Stadium rebħa missielta ta’ 3-1 għal Brentford fuq Newcastle. Harvey Barnes poġġa’ lil Newcastlet fil-vantaġġ fis-27 minuta qabel kien Kevin Schade li kiseb id-draw fis-56 minuta. Newcastle spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers meta tkeċċa għalihom Dan Burn, biex ħames minuti wara kien Igor Thiago li mill-ħdax-il metru ma żbaljax għal 2-1, bl-istess plejer jiskorja it-3-1 fil-ħin mogħti żejjed.

Riżultati: A.Villa v Bournemouth 4-0, Brentford v Newcastle 3-1, C’Palace v Brighton 0-0, Nott Forest v Leeds Utd 3-1, Man City v Liverpool 3-0