Lokali Qorti

Mara tqila twaqqaf proċeduri kontra żewġha fuq każ ta’ allegat stupru

Raġel ta’ 29 sena mill-Maċedonja, li kien qed jiffaċċja akkużi ta’ stupru u vjolenza domestika, ra l-proċeduri kriminali kontra tiegħu jieqfu wara li martu, li bħalissa tinsab tqila, talbet lill-qorti biex tirtira l-akkużi.

L-imputat deher il-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Maġistrat Victor Axiak – il-Ħadd, fejn ġie akkużat li wet-ta atti sesswali mingħajr kunsens fuq martu, li żammha kontra r-rieda tagħha, u li kkawżalha biża’ ta’ vjolenza.

Il-qorti semgħet kif il-vittma kienet ċemplet lill-Hub tal-Vjolenza Domestika fis-7 ta’ Novembru, fejn spjegat li wara li żewġha wasal id-dar, huwa għamel sess magħha minkejja li rrifjutat, u li waqaf biss wara li reġgħet talbitu biex jieqaf.

Wara l-inċident, il-mara ċemplet lil ommha li tgħix barra minn Malta, u kienet l-omm li rrappurtat il-każ lill-pulizija fil-pajjiż tagħha, li mbagħad għaddew l-informazzjoni lill-awtoritajiet Maltin. Il-qorti ġiet infurmata li ma sar ebda risk assessment u li l-vittma rrifjutat l-assistenza medika.

Ir-raġel u l-mara għandhom tarbija ta’ ftit xhur, u l-vittma tinsab tqila bit-tieni wild tagħhom. Fil-qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati, iżda martu insistiet li ma riditx tkompli bil-każ u qalet li ħafritlu, bit-tama li “jitgħallem mill-iżball tiegħu” u li jattendi terapija.

Il-Maġistrat Axiak wissieh bil-qawwi, jgħidlu li kien qed jaġixxi mhux bħala raġel iżda bħala “iblah u kodard”. Żied jgħid li jittama li qatt ma jerġa’ jarah quddiemu fil-qorti. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-Avukat Martina Herrera dehret għall-akkużat.