Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Mhu minnu xejn li dan hu l-aqwa Baġit li seta’ jkollu pajjiżna. Dan mhux Baġit nazzjonali, imma Baġit settorjali. Hu Baġit li sa ċertu punt ħa ħsieb lil sezzjoni tal-poplu u allura dawk li kienu qed jistennew x’se jmisshom minn dan is-suppost l-aqwa Baġit ta’ Robert Abela, spiċċaw diżillużi doppjament l-ewwel nett għax ma ħadu xejn u t-tieni nett għaliex il-Gvern daħak bihom. Minkejja l-ħafna wiegħdi tal-Gvern, dawn irrealizzaw li ma ħadu assolutament xejn.
Dan il-Baġit hu wieħed ta’ paniku; Baġit li juri li l-Gvern qiegħed ikompli jindika t-triq lejn l-Elezzjoni Ġenerali u allura the end justifies the means. Meta tagħsar kollox tinduna malajr x’inhu l-mottiv wara dan il-Baġit… akkost ta’ kollox il-Gvern irid li jirbaħ l-elezzjoni.
Serq – Ħala – Tberbiq
Iżda l-Gvern irid li jirbaħ akkost din l-Elezzjoni Ġenerali billi l-poplu jħallas għada għas-serq, il-ħala u t-tberbiq bl-addoċċ tiegħu. Dan hu Gvern bla pjan u bla viżjoni u dawn il-fatturi joħorġu ċar ħafna mid-Diskors tal-Baġit.
Aħna bħala Partit m’aħniex kontra li l-Gvern iqassam u milli jagħmel il-miżuri favur it-tfal, imma aħna kontra s-serq, il-ħala u t-tberbiq bl-addoċċ bir-riżultat li d-dejn tal-pajjiż qiegħed ikompli jisplodi biex issa qed inħallsu mal-miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet.
Meta wieħed janalizza dan il-Baġit isib li fl-ebda ħin mal-Baġit jindirizza l-problemi tal-isplużjoni tal-popolazzjoni, tal-iġġammjar tat-traffiku fit-toroq tagħna, tal-problemi serji u akuti fis-settur tas-saħħa u b’mod partikulari fis-settur tant delikat tas-saħħa mentali. Dan hu Baġit li jonqos milli jindirizza d-diversi problemi li għandu pajjiżna; jonqos milli jindirizza d-diversi weġgħat li għandu l-poplu… inkluż l-għoli tal-ħajja; inkluż l-iżvilupp bla ippjanar; inkluż in-nuqqas ta’ konnettività effiċjenti.
Marketing – Paroli – Wiegħdi fiergħa
Dan kollu juri li dan hu Gvern bla pjan. Ma jafx fejn hu sejjer. Ma jafx xi jrid għajr li akkost ta’ kollox jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter. Bil-ftaħir u bil-proposti kollha li ħabbar il-Gvern f’dan il-Baġit tajjeb li wieħed jara kemm fil-verità minnhom se jkunu qed jitwettqu għaliex jekk naraw id-Diskorsi tal-Baġit li saru fis-snin li għaddew insibu li dejjem saru ħafna wegħdiet, imma mbagħad ħafna minn dawn il-wegħdiet għadhom sal-lum fuq l-ixkaffa.
Qed ngħid dan għaliex il-poplu jifhem tajjeb kemm il-Gvern iħobb iwiegħed l-ilma jiżfen iżda mbagħad apparti l-marketing u l-paroli u l-wegħdi, ħafna mill-wegħdiet tiegħu baqgħu fuq il-karta.
Jista’ wieħed jara x’qed jiġri fil-qasam tas-Saħħa Mentali fejn il-Gvern qiegħed jibqa’ ċass għall-bżonnijiet kbar u urġenti li hemm f’dan il-qasam tant u tant importanti. Gvern fil-veru sens tal-kelma ċass quddiem problemi kbar u akuti f’dan is-settur li jolqot direttament lil ħafna pazjenti.
Joħroġ biċ-ċar minn dan il-Baġit li dan hu Gvern mhux jagħraf il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid. Jibqa’ jibbaża kollox fuq l-importazzjoni ta’ aktar ħaddiema barranin bil-problemi kollha li din is-sitwazzjoni qegħda ġġib magħha fejn sa ftit tas-snin oħra l-Maltin f’artna se nispiċċaw f’minoranza għax se jkun hawn aktar barranin milli Maltin.
Għandna problemi mill-aktar serji f’pajjiżna, inkluż dik tal-għoli tal-ħajja; inkluż dik tal-kirjiet dejjem jogħlew u sadattant il-Gvern mhu jagħmel assolutament xejn biex jindirizza dawn il-problemi serji u li qed jolqtu lin-nies bl-aktar mod dirett. Imma l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiġi jaqa’ u jqum mill-weġgħat tal-poplu.
Alex Borg b’messaġġ qawwi ta’ tama
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju l-PN mill-Oppożizzjoni u minkejja kollox qiegħed iwassal messaġġ qawwi ta’ tama għall-pajjiżna; għall-poplu. Messaġġ ta’ tama li wriet ukoll bil-qawwa kollha l-Kap tal-PN Alex Borg fid-diskors mill-aqwa u b’saħħtu tiegħu tal-Baġit; Replika mill-aqwa li wriet il-viżjoni tal-PN; viżjoni ta’ gvern alternattiv għal pajjiżna biex ma nibqgħux fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.
Alex Borg wera t-triq ’il quddiem bl-aktar mod konkret. Vara ħamsin proposta għal kwalità ta’ ħajja aħjar; għas-serħan tal-moħħ ta’ veru. Għax il-poplu ma jistax jibqa’ għaddej bil-qerda ambjentali, bl-għoli tal-ħajja, bid-drenaġġ ifur fil-baħar, bit-toroq iġġammjati bit-traffiku u bl-isplużjoni tal-popolazzjoni.
Wera Alex Borg fir-Replika tiegħu li hu l-PN biss li jista’ jsalva lil pajjiżna u kemm-il darba naħdmu bil-għaqal, allura nistgħu nirbħu l-elezzjoni u nsalvaw lil pajjiżna. Jekk aħna nkunu fil-Gvern se nkunu hemm biss biex inservu lil pajjiżna; biex inġibu ’l quddiem il-veru interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

