Lokali

Robert Abela jibqa’ jgħid li l-poplu ħa “valur ġust” minn Vitlas u Steward

Il-Mexxej Laburista qed jibqa’ jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi ħallas “valur ġust” għal li tawna Vitals u Steward filwaqt li jibqa’ għaddej bl-ispin tal-vittorja, u l-attakk sfrenat fuq il-Partit Nazzjonalista.

Dan hekk kif f’diskors ta’ madwar 10 minuti f’Ħal Għaxaq, Robert Abela wara tant pompi li Malta rebħet, ittanta jċekken u jnessi dak li issa qed joħroġ biċ-ċar li mhux talli ma rebaħx talli qed jispiċċa jinqabad fi kliemu stess.

Surrealment, wara li kien hu li laqqa l-ġurnalisti ftit tal-mumenti qabel ir-replika tal-budget tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, u wara li l-Gvern mela l-midja soċjali bi propoganda, qal li l-Partit Nazzjonalista prova jnessi l-budget.

Dan filwaqt li kompla billi qal li l-għajta tal-€400 miljun kienet gidba biċ-ċertifikat u li ħadna valur ġust.

Li ma qalx hu li  mhux talli ma kinitx gidba, talli l-Gvern talab li jieħu lura aktar minn €400 miljun…madwar €488 miljun – liema talba ġiet miċħuda għal kollox mit-tribunal…ċioè tilef.

Intant bi ftaħir qal li għax iħobb lil Malta, il-Gvern ma kellux iħallas €100 miljun.

Li konvenjentament ma qalx, li dawk il-€100 miljun kien daħal għalihom unikament Gvern immexxi mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – ftehim magħmul f’Awwissu 2019, intiż sabiex jekk jaqa’ l-kuntratt il-Gvern stess jkollu jħallas minn but il-poplu lill-kumpanija barranija – fatt meqjus mill-Qrati bħala wieħed li jmur kontra kull interess tal-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa ċar li l-ispin li prova jqabbad il-Mexxej Laburista mhux taqbad, huwa ċar li Robert Abela jinsab f’paniku, u huwa ċar ukoll li iswed fuq l-abjad il-Gvern qed jaqbel mas-sentenza tal-Qorti tal-Appell…ċioè li l-Gvern innifsu kien f’kollużjoni mal-barrani, ċioè f’ħadma magħhom.