Libjan ta’ 36 sena, Abdul Hamid Mohammed, residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, ġie ikkundannat sentejn ħabs u mmultat €2,000 wara li ammetta li kien qed jittraffika d-droga f’Għawdex. Il-każ imur lura għall-1 ta’ Awwissu 2025 u għall-ġimgħat li kienu qabel din id-data.
Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, semgħet kif l-imputat kien arrestat wara investigazzjoni tal-Pulizija tas-Sezzjoni kontra d-Droga, li kienu rċevew informazzjoni dwar traffikar ta’ sustanzi illegali minn residenza fiż-Żebbuġ, Għawdex.
Wara diversi ġranet ta’ osservazzjoni, il-Pulizija nnotat żewġ irġiel – fosthom Mohammed – deħlin u ħerġin mill-istess residenza b’mod frekwenti, l-aktar filgħaxija. Is-suspett kien li kienu qed jittraffikaw id-droga fil-lokalità ta’ Marsalforn.
Il-Pulizija kisbu mandat ta’ tfittxija u arrest, u waqt il-missjoni tagħhom fil-post sabu boroż b’sustanza bajda suspettata kokaina, inkluż borża imdaqqsa u bott immarkat bħala “protein powder” li kien jintuża bħala cutting agent.
Fuq il-mejda tal-ikel instab ukoll miżien diġitali bi traċċi ta’ kokaina u boroż tal-plastik vojta, kollha indikattivi ta’ attività ta’ tħejjija u tqassim ta’ droga. Fil-post instabet ukoll scooter tal-elettriku iswed, li kien ġie osservat jintuża mill-imputat waqt l-operazzjonijiet ta’ osservazzjoni.
Mohammed ġie arrestat flimkien ma’ persuna oħra u tressaq il-Qorti mixli b’assoċjazzjoni, traffikar, pussess tad-droga u ħasil ta’ flus. Filwaqt li l-kawża tal-akkużat l-ieħor għadha pendenti, Mohammed irreġistra ammissjoni għall-akkużi kollha fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2025.
Il-Qorti qalet li minkejja l-ammissjoni tiegħu, ma setgħetx tinjora s-serjetà tar-reati, partikolarment għax il-każ seħħ f’żona ta’ villeġġjatura li tkun frekwentata minn tfal u żgħażagħ, u għalhekk riedet tibgħat messaġġ ċar ta’ deterrent.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Mohammed ħati u ikkundannatu sentejn ħabs effettivi flimkien ma’ multa ta’ €2,000. Barra minn hekk, ordnatlu li fi żmien sitt xhur minn meta jtemm is-sentenza tiegħu, iħallas €649 bħala sehmu mill-ispejjeż tal-esperti nominati fl-atti tal-inkjesta.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Jonathan Pace.
//= $special ?>

