Lokali Qorti

Sentenza sospiża għax saq bla liċenzja

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak, ikkundannat lil Anas Alhuseyno Mohamad, ta’ 22 sena mis-Sirja iżda detentur ta’ passaport Bulgaru, wara li ammetta li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni.

Il-każ seħħ fis-2 a.m. tas-Sibt, 8 ta’ Novembru 2025 ġewwa Triq Reġjonali, Santa Venera, meta waqt road check tal-pulizija, l-imputat inqabad isuq karozza tat-tip Toyota, mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, u bi traskuraġni.

Wara li ġie arrestat u tressaq quddiem il-qorti taħt l-akkużi relevanti taħt il-Kap. 65 u l-Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, Mohamad ammetta ħtija inkondizzjonata għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-qorti offrietlu ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu, Maria Karlsson, u wara li rrifletta, tenna l-ammissjoni tiegħu quddiem il-Qorti.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, li spjegat il-fatti u l-provi preliminari. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti nnutat li l-imputat kien qiegħed jikkommetti reat serju ta’ sewqan irresponsabbli u mingħajr kopertura legali, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll li ammetta mingħajr kundizzjoni u l-kondotta tiegħu kienet prattikament nadifa.

B’hekk, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha u ikkundannatu għal sitt xhur ħabs, iżda ssospendiet is-sentenza għal erba’ snin. Dan ifisser li jekk matul dawn l-erba’ snin jirritorna quddiem il-qorti għal reat li jġib magħlu piena ta’ priġunerija, is-sospensjoni tiġi revokata.

Barra minn hekk, il-Qorti skwalifikat lil Mohamad milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 14-il xahar. Il-Maġistrat Axiak temm billi enfasizza mal-imputat l-importanza tar-responsabbiltà personali u tal-konformità mar-regoli tas-sewqan, u wissieh li kwalunkwe reat ieħor matul il-perjodu ta’ sospensjoni jwassal biex il-piena tiġi infurzata b’mod effettiv.