Internazzjonali

Stati Uniti: Stennija għal-laqgħa tat-Tnejn bejn Trump u Sharaa

Il-President tas-Sirja, Ahmed Sharaa beda żjara uffiċjali fl-Istati Uniti – jumejn biss wara li Washington irtira formalment l-istatus tiegħu minn ‘Persuna Desinjata bħala Terrorista Globali’.

Il-programm ta’ Sharaa, eks-militanti Iżlamiku, fl-Istati Uniti  qed jinkludi laqgħa li ssir nhar it-Tnejn mal-President Amerikan, Donald Trump, fil-White House…Avveniment sinifikanti li qed isir 11-il xahar wara li r-ribelli mmexxija minn Sharaa kienu qaċċtu r-reġim tal-eks-dittatur Sirjan, Bashar al-Assad.

Mindu ħa l-poter f’pajjiżu, Sharaa għamel minn kollox biex ikattar mill-ġdid il-preżenza tas-Sirja qalb il-komunità globali u wara li s-Sirja kienet ilha snin twal iżolata, b’kaġun tal-politika brutali tar-reġim preċedenti f’Damasku.

Qabel il-wasla ta’ Sharaa f’Washington, sar magħruf li s-servizzi tas-sigurtà fis-Sirja kienu arrestaw għexieren ta’ membri suspettati tal-grupp terroristiku ISIS.

Dan meta l-isforzi lejn it-trażżin tat-terroriżmu fis-Sirja se jkunu suġġett ewlieni tat-taħditiet tal-President Sirjan ma’ Trump,

Ingħad li, fl-aħħar sigħat, is-servizzi tas-sigurtà Sirjani kienu qed jinterrogaw lil talanqas 70 persuna suspettata fost il-ħtif ta’ diversi armamenti u splussivi.