Futbol Sport

Żbalji difensivi jikkundannaw lil Floriana

Ritratt: Joseph Galea

ĦAMRUN S. ……………………… 2

FLORIANA ………………………. 0

Ħamrun Spartans: Henry Bonello, Nikolai Micallef (73’ Ryan Camenzuli), Sven Xerri, Daniel Letherby (84’ Scott Camilleri), Shaisen Attard, Matias Nicolas Garcia, Vincenzo Polito (73’ Emerson Marcelina), Semir Smajlagic (66’ N’Dri Koffi), Ederson Bruno Domingos, Domantas Simkus, Merlin Hadzi (66’ Joseph Mbong).

Floriana: Pablo Martin Picon Alvaro, Lucas Emanuel Lopez Dessypris, Jake Grech, Zachary Scerri, Dunstan Vella, Owen Spiteri, Kokola Charles M’Mombwa (73’ Iago Perreira Mendonca), Gonzalo Julian Gamarra (60’ Kouya Aristide Mabea), Mattia Veselji, Aleandro Garzia, Rui Manuel Linhares Areias.

Referee: Philip Farrugia

Ħamrun Spartans għelbu lil Floriana 2-0 fl-aħħar logħba mir-round tal-aħħar sittax tal-Jubilee Cup, biex għaddew għall-kwartifinali fejn issa jiltaqgħu kontra r-rivali kbar tagħhom Valletta.

Kien autogoal fl-ewwel taqsima u żball fid-difiża lejn it-tmiem li kkundannaw lil Floriana f’din il-logħba, anki jekk wieħed irid jgħid li Ħamrun ma serqu xejn għax reġgħu kkonfermaw li huma l-aħjar tim fil-gżejjer maltin.

Għal din il-logħba iż-żewġ kowċis kienu kostretti jagħmlu xi tibdiliet anki għall-fatt li fil-Jubilee Cup jistgħu jil;agħbu ħames barranin biss. Ta’ min wieħed isemmi li Ħamrun kellhom seba’ bidliet mit-tim li beda kontra Samsunspor fil-Conference League il-Ħamis li għadda.

U hawn tidher il-veru qawwa taċ-champions Maltin, fejn minkejja d-diversi tibdiliet u minkejja d-diversi mpenji tagħhom fi spazju ta’ ftit jiem, xorta waħda jibqgħu juru l-qawwa tagħhom, frott ta’ skwadra b’għadd ta’ riservi li jistgħu ikunu għażla awtomatika ma’ timijiet oħrajn.

Wara ftit sekondi ċans tad-deheb għal Smaljagic li waħdu quddiem Picon ikkonkluda banalment f’idejn il-goalkeeper Spanjol. Ftit wara Garcia, frisk mid-doppjetta kontra l-istess Greens ftit jiem ilu, ipprova mid-distanza iżda l-mira kient żbaljata.

Fid-29 minuta Ħamrun fetħu l-iskor meta Lopez f’attentat li jżomm kross ta’ Hadzi xeħet fix-xibka tiegħu stess. Fit-33minuta Ħamrun sfortunati meta Smajlagic fejjar xutt sabiħ li ħabat ma’ sieq il-lasta.

Risposta Furjaniża ftit wara b’azzjoni tajba ta’ Veselji u risposta brillanti ta’ Bonello. Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima Picon salva x-xutt ta’ Hadzi.

Fit-tieni taqsima l-logħba kienet ferm iktar kwieta bil-Ħamruniżi jikkontrollaw aġevolment il-logħba u bil-Greens ikunu nieqsa minn dik il-ħeġġa neċessarja biex isalvaw il-logħba.

Fid-69 minuta inċident li seta’ bidel il-logħba meta Bonello ħareġ ferm barra l-kaxxa biex waqqaf b’intervent goff lil Veselji. Bonello dabbar biss karta safra bil-Furjaniżi jipprotestaw bil-qawwa fejn riedu l-karta ħamra għall-goalkeeper tat-tim nazzjonali Malti.

Minn hemm ‘l quddiem il-logħba saret iktar battalja b’diversi daħliet u protesti miż-żewġ naħat u seba’ minuti mit-tmiem, forsi fl-aħħar mumenti ta’ Floriana, wasal it-tieni goal taċ-champions meta ballun lura tad-difiża ta’ Floriana żmarka lis-sostitut Joseph Mbong li avanza u għalaq il-logħba b’xutt fil-baxx.