Lokali Qorti

10 xhur ħabs għal żagħżugħ u tfajla mmultata wara li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’Għawdex

Żagħżugħ ta’ 24 sena u tfajla ta’ 18-il sena miż-Żebbuġ, Għawdex, ġew ikkundannati mill-Qorti f’Għawdex wara li ammettew li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Zion Mallia u Anastasia El Magrus Mifsud, tressqu quddiem il-Qorti fejn ġew akkużati li kisru kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew imposti fuqhom fl-20 ta’ Jannar.

Mallia li ġie kundannat 10 xhur ħabs kien ukoll akkużat separatament li kiser kundizzjonijiet oħra li kienu ġew imposti fl-13 ta’ Ottubru, kif ukoll li huwa reċidiv. Mallia kien reċentement spiċċa fl-aħbarijiet wara li kien tressaq akkużat li seraq senter u pprova jbigħhu fuq il-midja soċjali.

Il-Qorti semgħet kif il-pulizija waqqfuhom nhar il-Ħamis filgħaxija wara li nnotat li l-karozza li kienu qed isuqu ma kellhiex dwal fuq wara. Meta ġie vverifikat, il-pulizija sabet li t-tnejn kienu qed jiksru ‘curfew’ u għalhekk żammithom arrestati.

Fil-Qorti, iż-żewġ akkużati ammettew il-ħtija. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ikkundannat lil Mallia għal għaxar xhur ħabs u ordnat li żewġ depożiti ta’ €1,000 kull wieħed, totali ta’ €2,000, jiġu kkonfiskati favur l-Istat.

El Magrus Mifsud ġiet immultata €500, li għandha tħallas fi żmien sitt xhur, u l-Qorti ordnat ukoll li €400 mid-depożitu ta’ €1,000 li kienet għamlet jitħallsu lill-Istat. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Roderick Attard u Wayne Bonello, filwaqt li l-avukat Adreana Zammit dehret għal Mallia u El Magrus Mifsud.