Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa | rapport ta’ Colin Schembri
Valletta Dream 45
Hibernians 87
(7-25), (19-19), (12-28), (7-15)
Hibernians bdew il-kampjonat b’rebħa tajba ta’ 87-45 fuq Valletta Dream f’partita li kienu fuq il-kontroll mill-ewwel sessjoni. Il-Pawlisti kienu ferm aktar effiċjenti fiż-żona (51% kontra 31%) u sfruttaw il-pressjoni difensiva tagħhom biex jiksbu 39 punt minn turnovers. Hibs ukoll rebħu fil-rebounds (43 kontra 44 iżda f’pożizzjonijiet aktar effettivi) u għelbu lil Valletta fit-tranżizzjoni b’22 punt minn fast breaks.
Valletta kellhom mumenti aħjar fit-tieni sessjoni, iżda ma setgħux iżommu r-ritmu kontra l-intensità ta’ Hibernians, li żammew il-vantaġġ komdu sal-aħħar.Għal Hibs kienet nieqsa Steffi De Martino u daħlet tilgħab għall-ewwel darba Marie Buhagiar. Għal Valletta kien hemm id-debutt ta’ Alexis Cutajar. Hibs ħarġu agressivi ferm tant li għamlu l-ewwel ħmistax -il punt tal-partita mingħajr risposta.
Huma kellhom fost l-oħrajn trippli minn Andie Saliba u Sasha Lecuyer flimkien mal-Amerikana Hayley Macleod. Wara l-ewwel replika minn Valletta permezz ta’ Olensia Malashenko, Hibs Hibs kellhom aktar trippli minn Iona Agius u Macleod u ghalqu t-taqsima 25-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Valletta tejjbu l-logħba tagħhom fejn għaqqdu run t’ 12-3 b’diversi punti ta’ Marie Elise Pollaco, ukoll fl-ewwel dehra tagħha mat-team tal-Kapitali. Wara time-out minn Charles Bonnici, kien hemm ir-risposta ta’ Hibs partikolarment bi trippli minn Andie Saliba f’run ta’ 10-0 li rathom jidħlu jistrieħu 44-26 minn fuq.
Hibs fetħu t-tielet perjodu b’erba’ baskets konsekuttivi minn Josephine Diaby qabel ma waslet l-ewwel risposta ta’ Valletta minn Malashenko. Hibs però komplew ikabbru l-vantaġġ tant li sa’ nofs is-sessjoni kienu 58-31 minn fuq. Hibs komplew bill-punti ta’ Diaby u trippla ta’ Buhagiar u Macleod għal skor ta’ 72-38. L-aħħar taqsima bdiet bi break ieħor ta’ 10-0 minn Hibs għal skor ta’ 82-38. Ftit kien għad fadal storja fil-partita hekk kif lejn it-tmiem iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin għal skor finali ta’ 45-87.
Valletta: E.M. Pollacco 18, A. Cutajar 3, O. Malashenko 8, M. Momcilovic 3, A. Caballero 5, H. Grixti, M. Mifsud 4, A. Nikishina, N. Montalvo 4, S. Kankaras.
Hibernians: M. Buhagiar 3, L. Micallef 1, I. Agius 3, S. Lecuyer 18, A. Saliba 18, J. Abela, M. Bonett 6, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 19, J. Diaby 17, K. Sammut 2.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Andre Attard
Athleta 45
Betsson Depiro 84
(11-17), (12-16), (10-27), (12-24)
Betsson Depiro wieġbu għar-rebħa ta’ Hibs meta għelbu lil Athleta 84-47 f’wirja solida fejn żammew kontroll tal-partita tul il-perjodi kollha. Depiro bnew il-vantaġġ tagħhom b’run ta’ 10-0 fl-ewwel sessjoni u komplew jinfirxu fil-tieni nofs b’run oħra ta’ 17-0 fit-tielet waħda, li effettivament qatgħet kull tentattiv ta’ reazzjoni minn Athleta.
Depiro kellhom persentaġġi aħjar (41% kontra 30%) u fir-rebounds (62 kontra 47), filwaqt li kisbu 21 punt minn turnovers u 22 punt minn fast breaks. Athleta kellhom mumenti ta’ reżistenza, iżda ma setgħux ilaħħqu mar-ritmu u l-fond tal-bank ta’ Depiro minkejja li l-Amerikana Lovely Sonnier kienet biss spettariċi fuq il-bank. Depiro ma damux biex ħadu l-kontroll tal-partita f’idejhom tant li wara tlett minuti logħob kienu diġa 10-0 minn fuq b’punti ta’ Sophie Abela u trippla ta’ Samira Deguara. Wara time-out, Athleta rkupraw xi ftit b’sitt punti konsekuttivi fosthom trippla minn Izabelle Booth.
Depiro wieġbu bi trippla ta’ Nicole Agius qabel ma Booth ukoll għamlet trippla għall-Athleta bit-taqsima tintemm bid-Depiro fuq quddiem 17-11. Fit-tieni perjodu, Athleta bdew jersqu viċin partikolarment b’sensiela ta’ free-throws. Depiro kellhom sitt punti konsekuttivi minn Agius għal vantaġġ ta’ 12 -il punt 17-29. Booth ukoll irrispondiet għall-Athleta biex fl-intervall kien hemm 10 punti bejn iż-żewġ timijiet bid-Depiro fuq quddiem 33-23.
Depiro għalqu l-partita fil-bidu tat-tielet sessjoni fejn huma għamlu 17-il punt mingħajr risposta fejn kien hemm punti minn Abela, Julia Borg Xerri u trippli minn Andrea Tollar Lopez u Julia Borg. Athleta waqqfuhom b’basket ta’ Kaya Calleja però sa tmiem il-perjodu Borg għamlet trippla oħra għal skor ta’ 60-33. Fl-aħħar taqsima spikka break ieħor minn Depiro li għamlu 14-il punt ieħor mingħajr risposta hekk kif kellhom kontroll assolut. Lejn it-tmiem, Athleta sabu run qasira ta’ 6-0 però Depiro ħarġu rebbieħa 84-45.
Athleta: E. Farrugia 4, J. Schembri, N. Vella 5, K. Calleja 4, A. Micallef 8, K. Caruana 5, I. Booth 16, Ke. Abela 2, S. Vella 3, Ka. Abela, L. Camilleri.
Betsson Depiro: S. Abela 11, N. Agius 17, J. Borg Xerri 13, J. Mallia 2, C. Privitera 7, A. Tollar Lopez 13, C. Fenech, J. Borg 11, N. Borg 3, L. Sonnier, S. Deguara 5, H. Farag 2.
Referees: Wendell Lim, Andre Attard
Starlites Revive 49
Caffè Moak Luxol 53
(7-18), (14-11), (17-8), (11-16)
Caffe Moak Luxol rebħu kontra Starlites Revive 53-49 f’partita missielta sal-aħħar minuti. Luxol kienu aktar effettivi mit-tliet punti (23% kontra 14%) u sfruttaw aħjar il-mumenti fejn Starlites fallew diversi possibbiltajiet offensivi. Il-partita kienet mibnija wkoll fuq turnovers u fast breaks, b’Luxol jiksbu 16 punt minn turnovers kontra 10 ta’ Starlites.
Minkejja li Starlites rebħu aktar rebounds (41 kontra 49), il-preċiżjoni f’mumenti kruċjali kienet id-differenza. L-aħħar żewġ minuti rat lil Luxol iżommu l-vantaġġ b’kalm u kontroll tal-pussess.Dawn iż-żewġ timijiet kienu qiegħdin jiltaqgħu għat-tielet darba dan l-istaġun bl-ewwel tnejn imorru favur Starlites fosthom il-finali tas-shield. Starlites kienu mingħajr Sabrina Abugrin u Rebecca Naudi u ntroduċew lil Belle Sciberras. Fl-ewwel minuti kienu biss Luxol li għamlu l-punti minn Sarah Sciberras u Olivia Wikstrom għal skor ta’ 7-0.
L-affarijiet ftit marru għall-aħjar ghax kisbu l-ewwel basket wara l-ħdax-il punt ta’ Luxol. Luxol kellhom trippla minn Sarah Fenech Pace hekk kif Starlites komplew bit-turnovers (disgħa fl-ewwel sessjoni) u għalqu l-perjodu 18-7 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites tejjbu l-logħob tagħhom hekk kif bdew bi trippla ta’ Georgia Haverlock u naqqsu d-distakk għal 5 punti 16-21. Luxol ukoll kellhom trippla minn Lisa Fenech Pace bi Starlites iwieġbu permezz ta’ Julija Dabic u Catherine Cilia. Luxol għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Gwenn Carabott u Ella Abela għal skor ta’ 29-21.
Wara l-intervall, Starlites kellhom bidu aħjar speċjalment bil-punti ta’ Haverlock tant li sa’ nofs is-sessjoni naqqsu d-distakk għal basket. Wara xi ħin bla punti, Haverlock poġġiet lil Starlites minn fuq għall-ewwel darba għalkemm Luxol irrispondew bi trippla ta’ Wikstrom. Il-vantaġġ reġa’ nbidel biex Starlites temmew il-perjodu 38-37 minn fuq. L-aħħar taqsima fetħet bi trippli fuq kull naħa minn Wikstrom u Mikela Riolo.
Għal darbtejn, Starlites ħadu l-vantaġġ però punti minn Wikstrom u S. Fenech Pace taw il-vantaġġ lil vjola. Luxol komplew bi break kruċjali ta’ seba’ punti mingħajr risposta hekk kif Starlites tilfu lil M. Riolo bil-ħames foul. Luxol komplew jikkontrollaw fl-aħħar sekondi minkejja l-isforzi ta’ Starlites biex huma ħarġu rebbieħa 53-49 biex ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat bħal Depiro u Hibernians.
Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 9, C. Cilia 4, P. Riolo 9, A. Cassar Seguna, B. Sciberras, G. Haverlock 21, J. Formosa, L. Zammit, K. Gatt, J. Dabic 6.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott 2, K. Magro, E. Axisa 2, L. Fenech Pace 3, H. Galea, R. Fenech Pace, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 6, O. Wikstrom 25, V. Baldacchino, S. Sciberras 14.
Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara
//= $special ?>

