Lokali

Fil-Parlament, Robert Abela jibqa’ jirrepeti l-ispin tal-ħrafa

Fil-Parlament, Abela qal li l-istat ħallas għas-servizzi f'St Luke's - meta f'dan l-isptar lanqas biss hemm sodda waħda, aħseb u ara kemm jingħataw servizzi

Dalgħodu, fil-Parlament, il-Prim Ministru baqa’ jirrepeti l-ispin dwar id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ.

Dan wara li analiżi fil-fond tar-rapport dwar is-serqa ta’ Vitals u Steward tikkonferma li l-vittorja li ħareġ jgħajjat biha l-Prim Ministru Robert Abela kienet biss spin tal-Labour.

Dan kien konfermat mhux biss mir-rapporti li ppubblika Net News matul din il-ġimgħa, iżda anke minn analiżi indipendenti li saret mill-gazzetta MaltaToday, illi qalet b’mod ċar li l-Gvern ħareġ tellief. Tant illi fit-titlu tal-gazzetta, ingħad li l-Gvern fittex lil Steward għal €488 miljun, u tilef.

Iżda sa dalgħodu stess, Robert Abela baqa’ jtambar l-ispin tiegħu b’diskors mimli propaganda. Għalkemm spiċċa ammetta li id-deal ma rnexxiex fil-parti tat-turiżmu mediku u fil-parti tal-bini tal-isptarijiet. Dan kien kliem Robert Abela innifsu.

Lil hinn minn din is-sentenza, Robert Abela uża l-ħin Parlamentari tiegħu biex jirrepeti l-fake news li wassal fl-aħħar ġimgħa. Tant illi fil-Parlament, Abela qal li l-istat “ħallas għas-servizzi f’St Luke’s” – meta f’dan l-isptar lanqas biss hemm sodda waħda, aħseb u ara kemm jingħataw servizzi.