Sport

Floriana u MFPA fil-finali tad-David Cluett Memorial Cup

Ritratt: JOE BORG

Floriana u MFPA li se jikkontestaw il-finali tad-David Cluett Memorial Cup wara li dawn iż-żewġ timijiet rebħu s-semifinali tagħhom.

Floriana xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil Luxol St Andrew’s Veterans 5-3. Dawn tal-aħħar taw qalbhom u wrew aktar progress fil-logħob tagħhom.

Bojan Kaljevic skorja doppjetta għall-Furjaniżi filwaqt li Ryan Camilleri, Christian Cassar u Manolito Micallef komplew iżidu l-iskor għat-tim tagħhom.

Luxol skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Nenad Stankic, Emerson Amaira u Matthew Schembri.

Referee kien Gjorgji Bitri.

MFPA iddominaw il-konfront kontra Birkirkara St Helen’s tant li rebħu 10-3.

Stanimir Miloskovic skorja tliet gowls filwaqt li Jonathan Bondin, Michael Galea u Julian Galea kienu awturi ta’ doppjetta. Mark Zammit issiġġilla r-rebħa finali għal Malta Football Players Association.

Għal Birkirkara, Federico Marine Tejada skorja doppjetta b’Daniel Scerri li żied ieħor.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Il-finali tad-David Cluett Memorial Cup se ssir nhar l-Erbgħa li ġej fil-grawnd tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ u tibda fis-7.30pm.