Raġel ta’ 71 sena mill-Belt Valletta, Emmanuel Cassar, ġie kkundannat għal ħames snin ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi b’diżabilità permanenti lil raġel ieħor ta’ 76 sena, wara ġlieda li seħħet fil-parkeġġ tas-supermarket Lidl f’Ħal Santa Venera fl-20 ta’ Settembru 2021.
Il-qorti semgħet kif l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu meta seħħet ħabta żgħira bejn iż-żewġ karozzi, dik li kien qed juża l-vittma flimkien ma’ martu u dik ta’ Cassar. Wara li niżel mill-karozza, il-vittma beda jiddibatti ma’ Cassar u argument bejn it-tnejn eskala f’konfront fiżiku. Skont ix-xhieda, il-vittma pprova imbotta lil Cassar, li rrisponda billi waqqgħu mal-art u qabdu minn għonqu waqt li dan kien fl-art.
Kien hemm min sejjaħ ambulanza, u l-vittma ttieħed l-isptar fejn ġie kkategorizzat f’kundizzjoni kritika. Huwa qatta’ żmien twil rikoverat u wara li nħeles mill-isptar, spiċċa f’siġġu tar-roti u tilef l-abbiltà li jgħix ħajja indipendenti.
Esperti maħtura mill-qorti kkonkludew li l-vittma sofriet diżabilità permanenti bħala konsegwenza diretta tal-ġrajja, wara li żviluppa kundizzjoni rari msejħa “central cord syndrome”. L-espert li eżamina lill-vittma sena u erba’ xhur wara l-inċident kkonferma li l-kundizzjoni baqgħet teżisti.
Il-qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, osservat li għalkemm il-vittma sofrietha minn kundizzjoni pre-eżistenti, l-inċident ikkawżalu diżabilità permanenti li bidlitu għal kollox ħajtu. Fil-miżura tal-piena, il-qorti qieset li Cassar kellu rekord kriminali nadif, iżda qalet li ma kienet tistenna qatt li persuna b’esperjenza ta’ ħajja bħal tiegħu tinvolvi ruħha f’att ta’ vjolenza ta’ dan it-tip.
Ma deherx ukoll li kien hemm xi raġuni biex jingħata piena alternattiva għal ħabs effettiv, billi ma kien hemm l-ebda rapport soċjali u ma deherx li kien xi persuna vulnerabbli. Barra mill-ħames snin ħabs, Cassar ġie ordnat iħallas €8,000 f’danni morali lill-vittma u €1,697.73 fi spejjeż tal-qorti fi żmien sitt xhur. Il-qorti imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Andy Rotin, filwaqt li l-Avukat Herman Mula deher għall-akkużat.
//= $special ?>

