Kampjonat Bank of Valletta Irġiel | rapport ta’ Colin Schembri
Starlites Revive 88
Luxol Sherries Estates 75
(22-15), (28-12), (22-22), (16-26)
Starlites Revive għelbu lil Luxol Sherries Estates 88-75 f’partita fejn bdew qawwi u bnew il-vantaġġ sal-mistrieħ. Starlites sfruttaw ħafnail-pressjoni fuq il-perimetru, fejn kisbu 26 punt minn turnovers u b’hekk biddlu difiża f’attakk b’ritmu għoli. Il-moviment tal-ballun tagħhom kien ukoll aktar effettiv, b’22 assist kontra 16, filwaqt li il-bank ta’ Starlites ta 22 punt u żamm l-intensità għolja meta nbidlu l-formazzjonijiet.
Luxol kellhom reazzjoni fit-tielet u r-raba’ sessjoni, iżda d-distakk mibni kmieni baqa’ jżommhom ’il bogħod. Il-bidu tal-partita kien f’idejn Starlites fejn is-shooters tagħhom kellhom mira tajba u bdew ġejjin it-trippli minn players bħal Ian Felice Pace, Jackson Threa sdgill u Matthew Scerri. Luxol għalkemm kellhom risposta minn Adam Azzopardi u Jayden Johnson, Starlites irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ seba punti fi tmiem l-ewwel taqsima 22-15.
It-tieni taqsima fetħet bl-istess andament hekk kif Starlites bdew b’run ta’ 14-0 b’aktar trippli din id-darba minn Musa Jallow u Travis Fee. Luxol waqqfulhom ir-run b’erba’ punti minn Burke Smith però r-risposta ta’ Starlites kienet immedjata b’10 punti oħra bi trippla ta’ Miguel Fabri. Nathan Xuereb u Azzopardi ġabu xi punti lura għal Luxol però fl-intervall Starlites kienu 50-27 minn fuq.
Fit-tielet taqsima kien hemm trippla fuq kull naħa bi Starlites ikomplu bil-baskets ta’ Iturmendi u Threadgill. Mill-ġdid kien Smith li kiseb punti konsekuttivi għall-vjola qabel ma Starlites għamlu break ieħor ta’ 10-3. Luxol kellhom 5 punti oħra u trippla ta’ Isaac Azzopardi għal skor ta’ 72-49. Fl-aħħar sessjoni Luxol tħabtu biex jirkupraw parti kbira mill-iżvantaġġ li kellhom partikorment permezz ta’ Smith u rnexxielhom jaslu sa’ 12-il punt ‘l bogħod 67-79. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm ukoll ċans għall-players żgħażagħ Giacomo Camilleri u Zac Said Hollier li jagħmlu id-debutt assolut tagħhom mal-kbar hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 88-75.
Starlites Revive: A. Felice Pace 2, K. Fabri 1, T. Fee 16, A. Aquilina, G. Camilleri, I. Felice Pace 7, M. Fabri 5, Z. Said Hollier, M. Scerri 5, J. Iturmendi 16, J. Threadgill 21, M. Jallow 11.
Luxol Sherries Estates: A. Azzopardi 12, I. Azzopardi 3, C. James, N. Xuereb 6, J. Johnson 23, M. Brincat 3, D. Tomasi 5, B. Smith 23, S. Capello.
Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Miguel De Flavia.
Athleta AtoZ 72
Hibernians 82
(17-21), (22-30), (20-15), (13-16)
Hibernians ħarġu rebbieħa 82-72 kontra Athleta f’partita li kienu fuq quddiem għal kważi l-40 minuta. Il-Pawlisti kienu aktar effettivi fiż-żona(64% kontra 59%) u żammew ritmu aktar kostanti fl-attakk. Il-punti mill-bank kienu fattur ċar, b’Hibs jiksbu 37 punt kontra 4biss ta’ Athleta, li għenhom iżommu l-intensità meta nbidlu l-formazzjonijiet. Athleta kellhom mumenti tajbin fit-tielet sessjoni, iżda Hibs reġgħu żiedu l-vantaġġ fl-aħħar kwart u żammew il-kontroll sat-tmiem.Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u għal erba’ darbiet kien hemm parita.
Hibs imbagħad kellhom run ta’ 7-0 b’baskets ta’ Deonte Jackson u Ivan Demcesen però Athleta wkoll wieġbu b’ħames punti mingħajr risposta. Demcesen kiseb żewġ baskets oħra għal skor ta’ 17-21. Neil Cassar fetaħ it-tieni perjodu bi trippla bl-Athleta jirrispondu bil-punti ta’ Duane Goodman.
Għal ħin twil reġa’ kien hemm baskets fuq iż-żewġ naħat għalkemm Hibs irnexxielhom iżommu l-vantaġġ bi trippli ta’ Jackson u Stelmach. Wara li Athleta naqqsu d-distakk għal 5 punti, Hibs kellhom żewġ trippli wara xulxin minn Matthew Attard u Stelmach biex għall-ewwel darba fetħu vantaġġ b’figuri doppji 44-33. Għall-Athleta, Wesley Jordan kompla jikseb il-punti però fil-halftime Hibs kienu għadhom 51-39 minn fuq.
Wara l-intervall Hibs bdew b’żewġ baskets oħra però mal-ħin Athleta bdew inaqqsu d-distakk u waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod 49-59. Athleta komplew iżidu l-pressjoni u kellhom trippla minn Goodman f’run ta’ 10-2 li wasslithom sa’ 5 punti taħt l-avversarji 59-64 qabel ma basket ta’ Elijah Simmons għalaq il-perjodu fuq skor ta’ 59-66. Fl-aħħar taqsima l-punti naqsu xi ftit għalkemm basket u trippla ta’ Stelmach reġgħu taw vantaġġ ta’ 8 punti lil Hibs 71-63. Athleta għamlu sforz ieħor però kull darba sabu lil Hibs jirrispondu. Basket ta’ Cassar u trippla ta’ Jackson fl-aħħar ħinijiet serrħu ras ic-champions li b’hekk bdew id-difiża tat-titlu li rebħu l-istaġun li għadda b’rebħa fuq skor finali ta’ 82-72.
Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 6, S. Ebalashvili, R. Vitale 6, I. Bonnett 2, D. Goodman 27, M. Spiteri, A. Bozanic, I. Medved 4, L. Borg, W. Jordan 27, J. Cefai.
Hibernians: N. Cassar 13, E. Simmons 16, A. Ajiboye 10, L. Attard, P. Stelmach 15, V. Kustudija, M. Gouder, D. Jackson 15, M. Attard 4, N. Buttigieg 1, T. Gjurovski, I. Demcesen 8.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Andre Attard, Jacques Siefert
Valletta Dream 71
The Plaza Depiro 77
(16-22)(9-13)(18-21)(28-21)
The Plaza Depiro għelbu lil Valletta Dream 77-71 f’partita fejn żammew il-kontroll għal kważi l-konfront kollu. Depiro rebħu taħt il-board b’51 rebound kontra 37, inkluż punti importanti mill-offensive rebounds li tawhom pussessi żejda. L-akbar differenza kienet ukoll fil-konsistenza fil-mumenti ta’ pressjoni, fejn Depiro żammew il-vantaġġ anke meta Valletta naqqsu d-distakk fl-aħħar taqsima. Valletta kellhom il-fażijiet tagħhom, iżda l-enerġija u l-fond ta’ Depiro għamlu d-differenza sal-aħħar.
Iż-żewġ timijiet kellhom Amerikan ġdid, Tyler Murray għal Valletta u Trevon Reddish għal Depiro li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Starlites. Murray minn naħa l-oħra kien jilgħab mal-istess Valletta però fit-tieni diviżjoni. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 6-1 bi trippla ta’ Jean Paul Schembri li fetħet il-partita. Valletta wieġbu l-aktar bi drives ta’ Francesco Mifsud Bonnici u l-Amerikan Eugene Campbell. Depiro kellhom aktar trippli minn Schembri u Cameron Cornelius però Valletta ippareġjaw 14-14. Jamie Turner wieġeb għal Depiro li temmew l-ewwel sessjoni 22-16 minn fuq.
Fit-tieni perjodu, Valletta naqqsu d-distakk bi trippla tad-debuttant Camillo Penaloza qabel ma Depiro għamlu sitt punti oħra mingħajr risposta. Valletta kellhom 4 punti oħra però kienu Depiro li għalqu l-perjodu fuq quddiem 35-25 wara punti ta’ Turner.
It-tielet taqsima kienet aktar bilanċjata fejn trippla fuq kull naħa ħalliet lil Depiro 10 minn fuq 40-30. Valletta komplew bi trippla oħra ta’ Nicholas Grech bil-coach ta’ Depiro jagħjjat time-out. Dan serva biex Depiro għamlu run ta’ 8-0 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 13-il punt fi tmiem il-perjodu 56-43. Fl-aħħar sessjoni, Valletta kellhom it-trippli ta’ Kieron Caruana u Campbell biex komplew inaqqsu d-distakk, Depiro wieġbu bil-punti ta’ Nikola Bozovic però hawn Valletta għamlu sforz ieħor bi break ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Murray u waslu sa’ sitt punti ‘l bogħod 58-64.
Depiro rkupraw fosthom bi trippli minn Sean Galea u Cameron Cornelius biex reġgħu ħadu vantaġġ komdu u baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u bdew il-kampjonat b’rebħa 77-71.
Valletta Dream: N. Grech 5, N. Vasovic 2, F. Mifsud Bonnici 13, K. Caruana 11, E. Campbell 25, S. Vincic, T. Murray 10, F. Lisondra, C. Penaloza 3, M. Rieger 2.
The Plaza Depiro: S. Galea 10, T. Reddish 8, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic 2, JP Schembri 6, A. Trapani, M. Grubacic, J. Turner 19, C. Cornelius 15, N. Bozovic 17.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Wendell Lim
//= $special ?>

