Robert Cutajar, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li ċ-ċifri tal-ekonomija mhumiex dawk reali dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Robert Cutajar qal li l-Kamra tan-Negozji Żgħar għamlet stħarriġ li minnu rriżulta li l-maġġoranza tan-negozji mhumiex komdi jkomplu jinvestu fl-2026. In-numri tal-ekonomija juru li l-pajjiż miexi ‘l quddiem iżda dan ma jinħassx mill-maġġoranza tan-nies. Hu qal li l-PL wiegħed li se jeradika l-faqar fil-pajjiż iżda fil-verità s-sitwazzjoni hi iktar diffiċili minn dik li kienet fl-2013. Hawn żgħażagħ li mhumiex jaraw futur fil-pajjiż, sostna Robert Cutajar, li qatt ma kien hawn dejn daqshekk kbir.
Robert Cutajar qal li allaħares ma kinux il-gvernijiet Nazzjonalista f’setturi ta’ kwalità fl-ekonomija. Hu kompla li llum il-gvern ma ġabx niċes ekonomiċi ġodda lejn il-pajjiż. Filwaqt li appella biex tinbidel ir-rotta ekonomika, Robert Cutajar sostna li 93% tan-negozji qed jinvestu u għalhekk dawn għandhom jingħataw l-aqwa opportunitajiet.
Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Għawdex l-ikbar kompetitur tas-settur privat hu l-gvern għaliex il-gvern qed joffri impjiegi mal-gvern lil ħaddiema Għawdxin. Din hi problema anki għall-kompetittività, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-Ministru tal-Finanzi tefa’ lin-negozji kollha f’keffa waħda dwar min qed jevadi t-taxxa. L-ebda kelliem tal-gvern ma talab skuża dwar dan. Il-PN ikkundanna dan il-kliem, sostna Robert Cutajar, li appella għar-responsabbiltà fid-diskorsi.
Dwar l-kooperattivi, Robert Cutajar qal li l-gvern mhux jagħti prijorità lil dan is-settur li jħaddem iktar minn 5,000 persuna. Hu appella biex ikun hemm il-proposti finali dwar din il-liġi li issa ilha snin biex tkun finalizzata. Il-kooperattivi għandu jkollhom vuċi fl-MCESD, sostna Robert Cutajar, li kompla li għandu jkun hemm rieda politika biex isiru l-avvanzi meħtieġa.
//= $special ?>

