Sport

Il-Malta Boat Show tinfirex mat-Tlett Ibliet u tirdoppja l-attendenza

Il-Malta Boat Show, organizzat minn Yachting Malta, għal darb’oħra biddel Dockyard Creek fil-Kottonera f’ċelebrazzjoni vibranti ta’ innovazzjoni u stil ta’ ħajja marittima.

It-tieni edizzjoni tal-Malta Boat Show uriet li dan l-avveniment, f’sena biss kiber b’mod sinifikanti, billi estenda l-firxa tiegħu mhux biss f’Bormla, iżda wkoll fil-Birgu u l-Isla, u b’hekk għaqqad b’mod effettiv it-Tlett Ibliet storiċi.

Sinjal tat-tkabbir kontinwu tal-industrija, l-avveniment ta’ din is-sena kważi irddoppja fid-daqs, fejn laqa’ 47 esebitur ġdid u 32 oħra li rritornaw mill-2024. Ta’ min isemmi tliet esebituri barranin: tnejn mill-Italja u wieħed minn Franza li ħadu sehem ukoll, u enfasizzaw l-attrazzjoni internazzjonali dejjem tikber tal-avveniment. Kien introdott ukoll kunċett ġdid, The Dome, li laqa’ wkoll serati ta’ divertiment bil-parteċipazzjoni ta’ DJs ewlenin fosthom The-element, CF1, Glenn Frantz u Miriana Belfiore. Xi ħaġa oħra ġdid din is-sena kien il-pont minn naħa għall-oħra tal-Boat Show li żied l-aċċessibbilità.

Il-firxa estiża tal-esibizzjoni waslet għal aktar tipi  ta’ dgħajjes, superjottijiet, inġenji marittimi, servizzi, inklużi dawk legali u korporattivi, u prodotti ta’ lifestyle, li kkonsolidaw lil Malta bħala punt ta’ referenza kruċjali fil-Mediterran għal dik li hi l-eċċellenza marittima. L-attendenza tal-pubbliku  rddoppjat ukoll meta mqabbla mal-edizzjoni tas-sena li għaddiet, u turi x-xewqa dejjem tikber lokali u internazzjonali għal wirja marittima ta’ klassi dinjija f’Malta.

Għalkemm rinnovat b’ideat u aspetti ġodda, il-Malta Boat Show mhux qed jibda mill-ġdid, iżda qed jibni fuq il-wirt ta’ wirjiet preċedenti waqt li jgħolli l-livell permezz ta’ kurazzjoni bir-reqqa, parteċipazzjoni usa’, preżenza aktar b’saħħitha fil-media u involviment akbar tal-gvern. L-ambjent storiku tal-Malta Boat Show – f’dik li hi l-milja tal-identità marittima ta’ Malta – jipprovdi sfond uniku u adattat għal avveniment li jkompli jevolvi b’ambizzjoni u enerġija.

Bis-suċċess ta’ din is-sena, il-Malta Boat Show wera mhux biss ir-rilevanza tiegħu, iżda wkoll il-mument f’waqtu. Jista’ jitqies bħala pjattaforma kummerċjali u kulturali importanti għall-ekosistema marittima ta’ Malta, li turi innovazzjoni, talent u opportunità fil-qalb tal-Mediterran.